Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi ddikjarat li ma kien hemm l-ebda ksur fid-drittijiet tal-bniedem meta ngħatat ordni biex tliet Etjopjani jiġu deporatati lejn pajjiżhom. Kien ħames persuni li bdew proċeduri l-Qorti dwar dan.
Efrem Salamon Gize, Abdi Sufian Mahmud, Kendieneg Mehretie Mersie, Yosuf Ahmed Adam u Musbah Nasir Aliye fetħu l-kawża kontra l-Avukat tal-Istat u l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni wara nħarġet ordni biex dawn jitkeċċew minn Malta.
Wara li fetħu l-kawża, Gize u Aliye talbu li jmorru lura pajjiżhom imma waqt li Aliye rtira t-talba tiegħu Gize kellu t-talba miċħuda minħabba d-dikjarazzjoni li kien għamel. Il-Qorti fid-dawl ta’ dan kollu ittrattat it-talba tat-tliet Etjopjani l-oħra fejn ikkonkludiet li ma ppruvawx li kellhom rabtiet daqstant b’saħħithom ma’ Malta.
L-Imħallef Mizzi qal li ġie ppruvat li huma għamlu l-isforzi tagħhom biex jitgħallmu l-Malti, jitgħallmu ħiliet ġodda u ma kellhom ebda problemi mal-awtoritajiet lokali madankollu għamilha ċara li għalkemm dawn huma “fatturi ammirevoli” mhumiex biżżejjed biex jingħad li għandhom rabta akbar b’saħħitha ma’ Malta milli mal-Etjopja.
Il-Qorti qalet li l-fatt li l-familjari tagħhom baqgħu fl-Etjopja, jew x’imkien ieħor, ifisser li m’ankrawx ruħhom f’Malta. L-Imħallef sostna wkoll li f’dan il-każ l-Etjopjani m’għandhomx membri familjari f’Malta jiġifieri ma jistax jingħad li l-Gvern Malti se jkun qed jonqos milli jirrispetta l-ħajja tal-familja tagħhom hekk kif inhu obbligat jagħmel skont it-Tmien Artikolu tal-Konvenzjoni Ewropea.
Fuq l-ilment u l-biża tagħhom li jekk jintbagħtu pajjiżhom kien hemm riskju li jiġu mġiegħla jidħlu fl-armata u jkunu fil-mira tar-ribelli, l-Imħallef Mizzi qal li dawn il-konsiderazzjonijiet diġà tqiesu b’mod dettaljat fit-talba tagħhom għall-ażil liema talbiet ġew miċħuda.
Kien għalhekk li kkonkluda li huma ma ppruvawx li d-deportazzjoni tagħhom kienet se tikkawża “interferenza sproporzjonata” fid-dritt tar-rispett tal-ħajja privata u tal-ħajja tal-familja tagħhom. Għalhekk il-Qorti qalet li ma ssibx li r-rikorrenti stabbilew każ ta’ ksur tad-drittijiet fondamentali tagħhom fuq
bażi prima facie.