Jason Micallef jgħid li l-Gvern għadu fiċ-ċans li jikkundanna l-kumment
Id-Direttur tal-Films Ridley Scott, ma jissuġerixxi lil ħadd biex jiġi għal btala fil-Gżejjer Maltin – stqarrija li ffumentat sentiment ta’ kritika fil-konfront mhux biss ta’ Scott iżda wkoll fil-konfront tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech. Bil-Gvern baqa’ fommu sieket.
Fost il-kritiċi…. kien hemm l-Uffiċċjal Laburista u Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt, Jason Micallef illi sostna li qed jistenna li l-Gvern ta’ Robert Abela jikkundanna tali diskors mill-Amerikan; kundanna li s’issa għadha ma saritx.
It-Tnejn filgħodu, Net News staqsa lil Micallef proprju dwar dan kollu…. fejn qalilna li l-Gvern għadu fiċ-ċans.
Mistoqsi jekk xi ħadd mill-Gvern kelmux, Micallef saħaq li ħadd ma ġibidlu l-attenzjoni; dan ifisser li wisq inqas tawh raġun.
Intant, dak li issa huwa il-Ministru responsabbli mill-Films, Owen Bonnici fl-ebda mument ma kkundanna d-diskors ta’ Ridley Scott. Anzi saħaq li fejn wieħed imur għal vaganza hija deċiżjoni suġġettiva.
Il-fatt jibqa’ li minn naħa għandek il-Ministru li qed jappella biex ma nnaffrux l-investiment tal-barranin fis-settur tal-films, u mill-banda l-oħra għandek lill-Uffiċċjal Laburista jgħid li Ridley Scott ġie vaganza b’xejn f’pajjiżna mħallsa minn but il-poplu.
Dan l-episodju ġedded il-kritika fil-konfront tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech hekk kif mill-ġdid diversi esponenti, flimkien mal-Partit Nazzjonalista qed isejħu għar-riżenja tiegħu – anke wara li Grech ippubblika l-kumment ta’ Scott….imbgħabas. U agħar minn hekk, baqa’ ma kkundannax dak li qal l-Amerikan.
Meta staqsejna lil Micallef dwar Johann Grech, l-ewwel beda jilgħab għal gallarija u sussegwentament stqarr li hu kien jippubblika l-kumment ta’ Ridley Scott fl-intier tiegħu.
Intant fid-dawl tal-kritika kontinwa fil-konfront tal-Kummissarju, bi tberbiq ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro minn but il-poplu mingħajr ebda raġuni sostanzjali, tgergir għal fatt li l-pagamenti fis-settur tal-films ilhom li waqgħu lura….u issa din il-kwistjoni, Owen Bonnici qed jibqa’ joħroġ għonqu għal Johann Grech. Dan minkejja li anke skont il-Ministru hemm sentiment kontra l-istess Kummissarju tal-Films.
//= $special ?>