Malta qed tkompli tkun punt ċentrali għat-traffikar internazzjonali tad-droga, partikolarment għall-kokaina, li tgħaddi mill-Amerika t’Isfel lejn l-Ewropa u l-Lvant tal-kontinent.
Dan ġie diskuss mill-Ispettur Jonathan Pace waqt intervista fil-programm Vi jew Va fuq TVM, fejn iddeskriva r-realtà dejjem tiggrava ta’ kif Malta qed tintuża għal operazzjonijiet kriminali.
Pace tkellem dwar każijiet partikolari li juru kemm Malta hija vulnerabbli għal din il-problema, inkluż l-interċettazzjoni ta’ tliet mitt blokka ta’ kokaina fil-Port Ħieles.
Dan huwa biss wieħed minn ħafna każijiet li qed jiffaċċjaw ta’ kuljum l-awtoritajiet lokali.
L-ispettur fisser kif l-Ekwador bħalissa qed iservi bħala sors ewlieni għall-kokaina; xejra li ilha tikber għal diversi snin. Dan kompla jigrava wara t-tnaqqis fl-esportazzjoni tad-droga mill-Afganistan – wara li t-Talibani ħadu l-poter.
Huwa semma’ kif id-droga ma tiġix esportata f’forma pura biss, iżda ta’ spiss tiġi mħallta ma’ sustanzi oħra mhux siguri bħall-paracetamol imfarrak, sabiex jiżdied il-volum u l-profitt għal dawk li jimportawha. Dan jagħmilha aktar perikoluża għal dawk li jabbużaw mid-droga.
Mistoqsi dwar xejriet fl-użu tad-droga, Pace ċaħad il-mit li l-konsum jiżdied biss matul ċelebrazzjonijiet bħall-Milied jew l-Ewwel tas-Sena.
Fl-istess waqt, huwa ċaħad ukoll il-perċezzjoni li l-użu tal-kokaina u l-ħaxixa qed isir normali fost il-popolazzjoni kollha, għalkemm irrimarka li ż-żgħażagħ bejn il-15 u l-23 sena huma l-aktar vulnerabbli għall-esperimentazzjoni.
Rigward il-kannabis, Pace qal li filwaqt li l-perċezzjonijiet dwarha nbidlu matul is-snin, l-użu pubbliku tagħha jibqa’ illegali. L-użu fil-karozzi u quddiem minuri huwa wkoll ipprojbit bil-liġi, għalkemm il-konsum f’postijiet privati huwa permess taħt ċerti kundizzjonijiet.
L-isfida tad-droga f’Malta m’għandhiex biss implikazzjonijiet soċjali, iżda wkoll ekonomiċi. Miljuni ta’ ewro huma involuti f’operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus relatati mad-droga, li jagħmlu aktar diffiċli għall-awtoritajiet li jnaqqsu din l-attività kriminali.
//= $special ?>