Id-dejn fl-2024 qabeż sew l-€10 biljuni, minkejja li l-Gvern ma ħareġ bl-ebda soluzzjonijiet għall-problemi ta’ pajjiżna
Minkejja li l-Gvern ta’ Robert Abela baqa’ ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni għall-akbar problemi ta’ Malta u Għawdex, fosthom il-qerda ambjentali, it-traffiku u l-problemi infrastrutturali fl-edukazzjoni u s-saħħa, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana rnexxielhom jilħqu rekord tal-akbar ammont ta’ dejn li pajjiżna qatt kellu fl-istorja tiegħu.
Saħqu dan ix-Shadow Ministers Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia hekk kif spjegaw li dan ikkonfermah l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif ċifri ġodda ppubblikati fl-aħħar jiem juru kif id-dejn qabeż l-€10.3 biljun. Il-Prim Ministru Robert Abela huwa responsabbli għal kważi nofs dan id-dejn kollu, bi ftit li xejn għandu x’juri għalih. Pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn ħames biljun ewro meta Abela ħa post Joseph Muscat. Dan ifisser li d-dejn taħt Robert Abela aktar milli rdoppja.
Huma saħqu li ironikament, minkejja li fl-aħħar xhur il-Gvern kompla jiġġieled ma’ professjonisti f’setturi differenti, fosthom l-edukaturi, biex iċaħħadhom miż-żidiet li jixirqilhom u li ilu jwegħedhom, irnexxielu jżid in-nefqa tiegħu b’xejn anqas minn €800 miljun bejn Jannar u Novembru 2024.
Dan ir-rekord ta’ dejn qed iwassal għal rekord ieħor li wieħed ma tantx għandu biex ikun kburi bih – dak fuq l-imgħax li qed ikollu jħallas il-Gvern mit-taxxi tal-poplu. Fil-fatt, fl-ewwel 11-il xahar tas-sena, il-Gvern ħaraq €235 miljun mit-taxxi tal-poplu, jew €42 miljun aktar mis-sena li għaddiet, fuq imgħaxijiet fuq id-dejn nazzjonali biss. Dan ifisser €710,000 kuljum.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif stħarriġ fost imprendituri ewlenin ippubblikat fl-aħħar xhur sab li d-deterjorazzjoni tal-qagħda politika u regolatorja qed tagħmel minn Malta pajjiż inqas attraenti għall-investiment.
Iż-żieda allarmanti fid-dejn ċertament li ma tgħinx biex toffri stabbiltà u serħan tal-moħħ u dan huwa fattur li jikkontribwixxi wkoll għall-fatt li, kif wera l-istħarriġ, inqas investituri huma komdi jinvestu iżjed f’pajjiżna.
//= $special ?>