Russu ta’ 35 sena ġie kkundannat 18 -il xahar priġunerija sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li f’Jum il-Milied ta’ din is-sena għall-ħabta tas-7pm. minn ħanut tax-xorb ġewwa San Ġiljan seraq €300 fi flus kontanti.
Popov Vasily li jgħix Malta ammetta wkoll li f’lok pubbliku jew f’post miftuħ għall-pubbliku, kien fis-sakra b’mod li ma kienx jista’ jieħu ħsieb tiegħu innifsu. Il-Maġistrat Ann Marie Thake ma sabitux ħati li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa.
Fid-dawl tal-ammissjoni volontarja u inkondizzjonata tal-imputat il-Qorti qalet li ma tistax ħlief issib lill-imputat ħati tal-akkużi dedotti kontrih, ħlief għat-tielet akkuża dik ta’ riċetazzjoni li evidentement hija alternattiva għall-akkuża ta’ serq li l-imputat qiegħed jinsab ħati tagħha.
Fir-rigward tal-piena, il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni il-qbil ta’ bejn il-partijiet illi l-imputat jingħata piena ta’ priġunerija sospiża abbinata ma’ Ordni ta’ Trattament sabiex ikollu għajnuna biex jindirizza l-problema ta’ alkoholiżmu.
Il-Qorti qalet ukoll li taqbel mal-partijiet illi in vista tan-natura tal-akkużi, il-fedina penali netta tal-imputat, l-ammissjoni bikrija irreġistrata minnu u l-kooperazzjoni tiegħu mal-pulizija, Vasily m’għandux jingħata sentenza ta’ priġunerija effettiva.
Il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni wkoll iddikjarazzjoni tal-imputat li huwa lest illi jħallas lill-vittma is-somma ta’ tlett mitt ewro li huwa seraq. Minbarra s-sentenza sospiża, l-Qorti poġġiet lill-ħati taħt Ordni ta’ Trattament għal erba’ snin mid-data tas-sentenza.
Il-Qorti spjegat lill-ħati bi kliem ċar ir-responsabbilità jekk huwa jikkommetti reat matul il-perijodu operattiv reat li għalih hemm piena ta’ priġunerija, kif ukoll ir-responsabbilita tiegħu li jekk jonqos milli jikkonforma ruħu ma xi rekwiżit jew kondizzjoni tal-Ordni ta’ Trattament jew l-Ordni ta’ Supervizjoni. tordna lill-imputat sabiex iħallas lill-vittma s-somma ta’ tlett mitt ewro fi żmien sitt xhur mid-data tas-sentenza.
//= $special ?>