Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli li seraq arloġġ Rolex minn residenza

Żagħżugħ li diġa’ huwa magħruf sew mal-Pulizija baqa’ miżmum arrestat wara li ġie mixli li seraq arloġġ tal-marka Rolex li kien f’safe minn ġewwa residenza f’Ta’Xbiex. Niro Spagnol ta’ 20 sena, residenti San Ġwann ġie mixli li seraq ukoll li seraq ukoll flus kontanti u deheb mill-istess residenza.

L-Ispettur Joseph Mercieca li ressaq lil Spagnol spjega lill-Qorti li fit-8 ta’ Diċembru li għadda l-akkużat seraq safe b’kollox. Huwa kien ġie arrestat fil-21 ta’ Diċembru waqt li kien qed jaqsam it-triq u fuqu kellu l-arloġġ Rolex li kien fis-safe.

L-Ispettur qal li l-akkużat inqabad mid-‘data track’ tal-karozza tal-kiri li uża u li kienet mikrija f’isem persuna oħra. Fil-Qorti Spagnol, li qal li ma jaħdimx, wieġeb mhux ħati. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minn naħa tad-difiża.

Minbarra l-Ispettur Mercieca l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Miryea Mifsud mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat deher l-Avukat Josè Herrera. F’Ġunju li għadda Spagnol ammetta li kien kiser kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest imposti fuqu mill-Qorti meta nqabad barra wara d-9pm.

Il-Pulizija dak inhar spjegaw li ż-żagħżugħ kellu fil-pussess tiegħu droga kokaina u eroina, u li saq mingħajr liċenzja u mingħajr polza ta’ assigurazzjoni għal terzi persuni. Huwa kien immultat €2,000, konfiska ta’ €5000, u ngħata probation għal tliet snin, u tpoġġa taħt ordni ta’ trattament u li ma jistax isuq għal sena.