Is-sena 2025 tidher se tkun sena oħra dominata mill-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna…. U minkejja li rrankaw l-isforzi diplomatiċi biex is-sitwazzjoni tnaqqas mill-intensità, qed jiżdied l-inkwiet li l-impatt tal-kunflitt jinfirex mir-reġjun waqt li jinħass dejjem aktar fi bnadi oħra tal-Ewropa….Naraw fis-servizz…
Il-gwerra fl-Ukrajna ilha għaddejja mindu l-qawwiet tal-President Russu, Vladimir Putin, invadew l-artijiet Ukreni fi Frar tal-2022 …Invażjoni li kompliet tħalli l-effetti tagħha u li minnha rriżultaw l-eluf kbar tal-vittmi, midruba u refuġjati, — bl-ebda naħa ma ċċedi pulzier fost id-dmija u l-kaos persistenti.
Fl-aħħar jiem ukoll spikkat l-istrateġija tal-gwerra tal-Kremlin, fejn il-kapijiet militari Russi qed jikkonċentraw l-attakki mill-ajru fuq il-faċilitajiet tad-dawl u l-istallazzjonijiet li jipprovdu s-sħana lill-popolazzjoni Ukrena waqt dawn il-ġimgħat ta’ xitwa kiefra.
L-osservaturi u l-gruppi favur id-drittijiet umani madwar id-dinja, sadanittant, qed ifissru din l-istrateġija bħala waħda li tmur ‘il hinn mir-regoli stabbiliti tal-gwerra u li kapaċi tissejjaħ ukoll bħala reat kontra l-familji mhux armati….Sitwazzjoni fejn ir-Russja tidher li trid akkost ta’ kollox tkisser il-moral tal-Ukreni b’li tiċħadhom mill-mezzi tas-sħana waqt it-temperaturi li niżlu sew taħt iz-zero.
Madankollu, it-Tmexxija Ukrena beħsiebha xorta waħda tirreżisti lill-qawwiet ta’ Putin waqt li tiddefendi l-indipendenza tal-Ukrajna bħala pajjiż sovran.
Il-Prim Ministru Ukren, Denys Shmyhal, issa qal li minkejja l-ħafna attakki tr-Russi fuq is-settur tal-enerġija ta’ pajjiżu, il-poplu xorta hu reżiljenti biżżejjed biex jirreżisti għat-tbatija. Dan waqt li s-sistema tal-enerġija għadha qed tiffunzjona fost kampanja intensiva ta’ restawr tal-faċilitajiet li ntlaqtu mill-missili tar-Russi.
Dan ukoll meta s-sieħba tal-Ukrajna kontribwew aktar minn biljun ewro lill-Ukraine Energy Support Fund – bil-fondi qed jintużaw għax-xiri tat-tagħmir li jiggarantixxi d-dawl u s-sħana fid-djar tal-familji.
Intant, il-Prim Ministru Ukren qal ukoll li pajjiżu qed jibni sistema ta’ enerġija deċentralizzata bħala parti importanti tat-tkattir ta’ din is-sistema u li qed taħseb ukoll għaż-żmenijiet ta’ wara l-gwerra fl-Ukrajna.
L-Ukrajna, fl-aħħar sigħat, anki qawwiet qalbha bil-konferma li l-Istati Uniti għandha tipprovdilha l-għajnuna addizzjonali, ekwivalenti għal sitt biljun dollaru, biex l-Ukreni ikomplu jirreżistu lir-Russja….Għajnuna li tinkludi appoġġ militari u għall-baġit nazzjonali tal-Ukrajna qabel il-President Amerikan Joe Biden jikkonkludi uffiċjalment il-mandat u l-President-elett ġdid, Donald Trump, jassumi r-riedni fl-Istati Uniti.
Joe Biden ħabbar personalment l-għajnuna addizzjonali għas-sigurtà tal-Ukrajna, waqt li l-għajnuna lill-baġit tal-Ukreni għandha tipprovdi r-riżorsi importanti lil dan il-pajjiż mifni bi gwerra li għadu qed ibati mill-attakki konsistenti tar-Russi fuq iz-zoni ċivili u l-infrastruttura meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum.
//= $special ?>