“L-Ewropa se tibqa’ tkun dawl għad-dinja u nkomplu naħdmu biex nagħmlu l-ħajja tan-nies aktar faċli, aktar sigura u aktar ta’ suċċess.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, fl-indirizz tagħha ta’ tmiem is-sena, fejn enfasizzat il-ħidma kontinwa tal-Ewropa biex tagħti prijorità lill-benesseri taċ-ċittadini tagħha.
Metsola ddeskriviet l-2024 bħala sena ta’ sfidi, iżda wkoll ta’ tama u determinazzjoni.
Hija rrimarkat kif il-Parlament Ewropew kompla jmexxi d-dibattitu dwar kwistjonijiet kruċjali, saħħaħ il-valuri fundamentali tal-Unjoni, u offra tama anke f’ċirkostanzi diffiċli bħall-gwerra li għadha qed tħalli impatt fuq ir-reġjun.
Roberta Metsola rriflettiet ukoll fuq l-elezzjonijiet Ewropej ta’ din is-sena, li fihom miljuni ta’ nies għażlu l-Membri Parlamentari Ewropej tagħhom, u fakkret kif dawn ir-rappreżentanti għandhom il-missjoni li jkunu leħen għaċ-ċittadini li ma jistgħux jitkellmu.
Metsola qalet li matul din is-sena l-ġdida l-Ewropa se tiffoka fuq il-prijoritajiet tal-popli billi tibqa’ magħquda u lesta biex tindirizza kull sfida ġdida.
Il-President tal-Parlament Ewropew enfasizzat l-importanza tal-kooperazzjoni u l-adattament bħala elementi kruċjali għas-suċċess tal-Unjoni fil-ġejjieni.
B’messaġġ ta’ tama u determinazzjoni, hija temmet tgħid li fl-2025, l-Ewropa mhux biss se sservi ta’ tarka għall-valuri u d-drittijiet tal-bniedem iżda wkoll tkompli tfittex soluzzjonijiet biex tagħmel il-ħajja tan-nies aktar sigura u b’opportunitajiet ġodda għas-suċċess.