Lokali

Messaġġ ta’ awguri għas-Sena l-Ġdida mill-Kap tal-PN Bernard Grech

F’messaġġ għall-bidu tas-Sena l-Ġdida, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li kull bidu ta’ sena ġdida jġib miegħu riflessjonijiet dwar dak li nkunu għaddejna minnu s-sena ta’ qabel, imma fuq kollox jagħtina l-opportunità nħarsu ’l quddiem.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li r-rieda tal-PN hija li s-sena li se tibda tkun aħjar minn dik ta’ qabilha għax hekk jixraq lil Malta u lill-poplu tagħha.

“Għalhekk irridu nwelldu pajjiż li fih inti tgħix ħajja aħjar. Fejn int ikollok kwalità ta’ ħajja aħjar f’kull sens. Pajjiż fejn kull persuna tkun tista’ timraħ biex tiżviluppa l-potenzjal tagħha. Imma wkoll pajjiż li, fl-istess ħin, jgħin lil min għandu bżonn jiġi mwieżen”.

Bernard Grech qal li biex aħna lkoll ngħixu aħjar bħala bnedmin sħaħ, irridu nassiguraw li jkollna servizzi mill-aqwa fl-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa mentali u fiżika, b’servizzi soċjali personalizzati, flimkien ma’ ekonomija li tikber b’mod nadif, ambjent sostenibbli, infrastruttura moderna li tindirizza fost l-oħrajn il-qtugħ tad-dawl, toroq aħjar u inqas tniġġis mid-drenaġġ, kif ukoll konnettività aħjar bejn Malta u Għawdex.

U biex dan jiġri, jeħtieġ li nwelldu pajjiż fejn ikollna l-istabbiltà u n-normalità.

Waqt li semma l-anniversarji importanti li ċċelebrajna matul l-2024 bħas-60 sena tal-Indipendenza, il-50 sena tar-Repubblika u l-20 sena mis-sħubija ta’ Malta fl-UE, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla li l-lezzjoni li nisiltu minn dawn il-ġrajjiet storiċi li sawru lil pajjiżna hi li dawn kollha marru lil hinn mit-terminu ta’ leġiżlatura waħda, u għaldaqstant pajjiżna jeħtieġ inizjattivi fit-tul li ma jkunux jiddependu miċ-ċiklu elettorali, għax il-well-being tan-nies m’għandux skadenza ta’ ħames snin.

Tkellem dwar kif is-social media biddlitilna ħajjitna u issa dħalna f’rivoluzzjoni oħra – dik tal-AI – fejn id-daqs żgħir ta’ pajjiżna jagħtina l-opportunità li flok nistennew li pajjiżi oħra jagħmlu bidliet u aħna nikkupjawhom, naġixxu minn issa, flok nirreaġixxu għal dak li jkun qed jagħmel ħaddieħor.

Hekk kif l-2025 se tkompli tressaqna lejn l-elezzjoni ġenerali, Bernard Grech temm b’appell lil kulħadd biex jersaq ’il quddiem u jikkontribwixxi bl-ideat tiegħu għall-programm elettorali li qed ifassal il-Partit Nazzjonalista. “Għax kull idea jew esperjenza taf tiswa mitqlu deheb u taf tagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies”.

F’isem martu AnneMarie, f’ismu, f’isem uliedhom Neil u Maria, u f’isem il-PN, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wassal l-awguri tiegħu lill-poplu Malti u Għawdxi għal sena ġdida mill-aqwa.