“Ħaddem moħħok qabel l-emozzjonijiet”. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia appellat lil missier ta’ żewġt itfal, li għandhom erba’ snin u nofs u tmien xhur, fejn ir-raġel jinsb mixli li ħebb għal ommu wliedu u li kkawżalha ġrieħi ħfief. F’dan il-mument u anke aktar tard matul is-seduta r-raġel deher emozzjonat ħafna.
L-Ispettur Audrey Micallef spjegat kif l-akkużat u l-eks sieħba tiegħu ltaqgħu f’kaffetterija biex jagħtiha r-rigali tal-Milied għat-tfal. Isem l-akkużat mhux jissemma’ biex tiġi protetta l-familja kollha. Il-prosekutur qalet li fit-28 ta’ Diċembru, l-allegata vittma għamlet rapport mal-Iskwadra ta’ kontra l-Vjolenza Domestika u mill-assessjar li sar mis-social workers tal-Aġenzija Appoġġ irriżulta li tinsab f’periklu estrem.
Bħal ma jiġri dejjem minħabba f’hekk sar rikors għal mandat t’arrest. L-akkużat ilmenta mal-ispettur li kellu wġiegħ f’sidru u ttieħed fiċ-ċentru tas-saħħa fil-Furjana fejn ġie riferut għall-Isptar Mater Dei u hemmhekk ġie eżaminat minn psikjatra li rreferieh għall-isptar Monte Karmeli.
Huwa tressaq il-Qorti wara li l-psikjatra informa lill-Ispettur Micallef li kien se jiġi rilaxxat bl-istess spettur irrimarkat li huwa kkopera mal-pulizija mill-bidu sal-aħħar. Waqt li argumentat għall-ħelsien mill-arrest, l-avukat tiegħu Yanika Barbara Sant spjegat li l-allegata vittma ċaħdet lill-akkużat minn kull involviment ma’ wliedu, li ilu ma jara tliet xhur.
Qalet li ilhom għaddejjin minn ħafna problemi u li l-eks sieħba ma taċċettax li hu għandu relazzjoni tajba ma’ oħtu u ommu, li kienu preżenti fl-awla. Hawn l-akkużat deher emozzjonat ħafna u beda jolfoq meta l-avukat bdiet tispjega li omm uliedu qed iċċaħdu minnhom u li lanqas jaf jekk ibnu ta’ tmien xhur ġiex mgħammed jew le.
Huwa ġie akkużat ukoll li saq waqt li għandu liċenzja sospiża, iżda l-Avukat Barbara Sant qalet li hija infurmata li mhux hu kien qed isuq imma kien akkumpanjat minn ommu. Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma jagħmel l-ebda kuntatt mal-allegata vittma u li jiffirma fl-għassa. Ommu għamlet garanti għalih biex irnexxielu jingħata l-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>