Ewropa Lokali

“Nagħmlu l-ħajja tan-nies aktar faċli, aktar sigura u ta’ suċċess” – Roberta Metsola

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li fl-2025, l-Ewropa se tkompli taħdem biex tagħmel il-ħajja tan-nies ftit aktar faċli, aktar sigura u ta’ suċċess.

Waqt l-indirizz annwali ta’ tmiem is-sena, il-President Metsola rriflettiet fuq it-12-il xahar li għaddew, u qalet li din kienet sena ta’ elezzjonijiet u bidla. “Sena fejn sibna tama fid-dlamijiet tal-gwerra. Sena li fiha bqajna spalla ma spalla flimkien biex insibu l-aħjar triq ‘il quddiem. Kienet sena fejn il-Parlament Ewropew kompla jmexxi d-dibattitu; fejn konna tarka għallumanità; fejn saħħejna dawk il-valuri li jagħmlu l-Ewropa tagħna xempju ta’ dawl u qawwa li tissalvagwardja d-drittijiet.”

Filwaqt li rriflettiet fuq sena li matulha miljuni ta’ nies xeħtu l-vot tagħhom biex jagħżlu l-Membri Parlamentari Ewropej li riedu li jirrapreżentawhom, l-MEP għal Malta u Għawdex saħqet fuq l-aktar elementi sinifikanti tal-2024.

“Sena fejn smajna lin-nies, fejn aġixxejna fuq it-tħassib tagħhom, fejn iffaċċjajna sfidi – kbar u żgħar – flimkien. Fejn konna vuċi għal dawk li ma setgħux jinstemgħu. Fejn sibna issoluzzjonijiet.” Waqt li ffukat fuq it-12-il xahar li ġejjin, il-President Metsola qalet li filwaqt li ma jistax jiġi mbassar x’se ġġib l-2025, l-Ewropej se jkunu qed jieħdu ħsieb ir-rabta li għandhom bejniethom. “Dan huwa dak li se jippermettilna naddattaw u ningħaqdu flimkien biex niffaċċjaw dak kollu li jiġi quddiemna.”

Il-President Metsola kkonkludiet li jiġri x’jiġri, “l-Ewropa se tkompli sservi ta’ dawl għad-dinja u se nkomplu naħdmu biex il-ħajja tan-nies tkun ftit aktar faċli, aktar sigura u aktar ta’ suċċess.”