Lokali Qorti

Immultat €10,000 fuq qtil involontarju ta’ kaħħal żagħżugħ f’inċident li seħħ 10 snin ilu

Direttur ta’ kumpanija kien immultat €10,000 wara li nstab ħati ta’ qtil involontarju ta’ Sirjan ta’ 18-il sena li waqa’ tliet sulari u spiċċa tilef ħajtu wara li nqata’ l-ħabel mat-tavla li fuqha kien qed ikaħħal. Il-każ seħħ għall-ħabta ta’ 12pm f’ Ta’ Paris, meta jirriżulta li s-Sirjan, li kien joqgħod Ħal Tarxien, kien qed jagħmel xogħol ta’ kostruzzjoni fl-Iskola tal-Gvern.

Iż-żagħżugħ miet l-Isptar Mater Dei wara li ttieħed b’Ambulanza, fejn kien iċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika u fil-periklu li jitlef ħajtu. Madankollu, wara ftit sigħat is-Sirjan tilef il-ġlieda kontra l-mewt. L-inċident seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2014 fl-iskola sekondarja f’Birkirkara bil-vittma jkun Kasim Ibrahim.

Christopher Scembri ta’ 39 sena, direttur tal-kumpanija World Plastering Limited, kif ukoll Ahmed Ali ta’ 41 sena u Fhaed Ajjan ta’ 36 sena li kienu qed jaħdmu fuq il-post. Xehdu fil-każ rappreżentant tal-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA).

Wieħed minnhom xehed kif mal-faċċata tal-iskola kien hemm żewġ pontijiet imdendlin li wieħed kien għadu mdendel waqt li l-ieħor kien imdendel bil-ħabel kważi jmiss mal-art. Qal li fuq il-post kien hemm diversi nuqqasijiet għal dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u sigurtà fosthom ma kienx hemm poġġaman fuq it-turġien u l-iscaffolding kien mibni ħażin.

Xehdu wkoll pulizija u rappreżentanti tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) li kienet qabbdet lil World Plastering Limited biex tirranġa l-iskola wara ħruġ ta’ tender. Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li ma hemm xejn x’jindika li l-vittma kien impjegat ta’ Ahmed Ali u Fahed Ajjan u għalhekk illiberathom.

Fl-istess waqt ikkonkludiet li ħareġ ċar li Schembri huwa d-direttur tal-World Plastering Limited li ngħatat it-tender mill-FTS biex tagħmel xogħlijiet fl-iskola. Il-Qorti żiedet li lanqas ħareġ li Schembri qabbad liż-żewġ ko-akkużati oħra biex jagħmlu x-xogħol għalih.

Tenniet li dan kien inċident sfortunat f’post fejn kien hemm diversi nuqqasijiet fosthom scaffolding fi stat prekarju u sostniet li mhix skuża li Schembri qal li huwa llitterat u ma kienx jaf jaqra l-ittri elettroniċi li kienu ntbagħtu lilu dwar dak li kien għaddej fis-sit.

Kien għalhekk li żammitu unikament responsabbli għall-inċident fatali u mmultatu €10,000 waqt li ordnatlu jħallas ukoll €1,000 fi spejjż tal-esperti mqabbdin mill-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sandra Zammit.