Internazzjonali

Ir-Rumanija u l-Bulgarija jissieħbu fiz-Zona Schengen wara 17-il sena stennija

L-Ewwel tas-Sena qed ifisser ċelebrazzjoni speċjali għar-Rumanija u l-Bulgarija, it-tnejn membri tal-Unjoni Ewropea, li minn issa huma membri sħaħ taz-Zona Schengen….Fattur li jfisser li ċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Ewropej tal-Lvant jistgħu jivvjaġġaw mingħajr l-ebda xkiel burokratiku jew ħtieġa għal passaporti  madwar it-territorji kollha tal-Istati membri l-oħra ta’ Schengen

Il-popolazzjonijiet tar-Rumanija u l-Bulgarija, flimkien, jammontaw għal madwar 25 miljuni u dawn, issa, qed jissieħbu ma’ kważi 450 miljun ċittadin tal-Unjoni Ewropea li wkoll huma ħielsa biex jivvjaġġaw fejn iridu madwar iz-Zona Schengen wara li t-tneħħija uffiċjali tal-hekk-imsejħa ‘border checks’,.

Ir-Rumeni u l-Bulgari kienu ilhom 17-ll sena biex jikkonfermaw dan it-tragward u mindu huma saru membri tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, in-negozjati biex huma jsiru parti miz-Zona Schengen kienu bdew fl-2011.

B’hekk ukoll, il-Kummissjoni Ewropea wasslet sinjal ċar u importanti lir-Rumeni u l-Bulgari li huma, issa, jistgħu jgawdu mill-istess livell ta’ moviment ħieles bħaċ-ċittadini oħrajn tal-pajjiżi li ilhom żmien b’dan il-vantaġġ.