Żewġ persuni għadhom maħruba, wara li taw is-salt u ħarbu minn dan l-ajruplan li kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza fl-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta.
Kien propju fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida, meta titjira tat-Turkish Airlines għamlet inżul ta’ emerġenza f’Malta. Dan seħħ minħabba li passiġġier Marokkin, ħass xi uġiegħ.
Minn informazzjoni li għandha din il-kamra tal-aħbarijiet, jidher li erba’ persuni fetħu l-bieba ta’ wara tal-ajruplan li kien wieqaf f’Apron 8, taw is-salt, qabżu minn fuq l-ajruplan għal fuq ir-runway u ħarbu.
Sorsi qed jindikaw illi dawn il-persuni qabdu u fetħu l-bieb tal-ajruplan huma, meta l-ekwipaġġ kien fuq naħa oħra tal-ajruplan.
B’dawn l-istess sorsi jindikaw li kien pilota, stand-by fuq Runway 13 f’Ajruplan tal-EasyJet, li nforma lit-torri tal-kontroll li kienu ħarbu xi persuni minn ajruplan tat-Turkish Airlines.
Intant, ir-raġel li ħass l-uġiegħ fuq l-ajruplan, ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie arrestat mill-Pulizija, u ftit sigħat wara dan kollu, l-Pulizija arrestaw żewġ persuni oħra li kienu fost dawk li ħarbu.
Iżda issa għaddew aktar minn 24 siegħa mill-inċident u l-Pulizija għadha ma llokalizzatx iż-żewġ persuni l-oħra li kienu fost dawk li ħarbu.
It-titjira TK619 kienet telqet minn Istanbul, bl-aħħar destinazzjoni tagħha tkun dik ta’ Marrakech fil-Marokk. U fil-fatt….ftit aktar minn sagħtejn wara dan l-inċident, t-titjira kompliet bil-vjaġġ tagħha propju lejn Marrakech.
Fi stqarrija maħruġa mill-Malta International Airport ġie spjegat illi l-Pulizija tal-Immigtazzjoni flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta avviċinaw l-ajruplan mit-taraġ imqiegħed fuq in-naħa ta’ quddiem, u hekk kif l-ambulanza mill-Isptar Mater Dei telqet bil-passiġġier muġugħ – u kien hawn fejn l-erba’ passiġġieri evadew l-uffiċjali tal-AFM li kienu stazzjonati fejn l-ajruplan u ħarbu sakemm qabżu l-ilqugħ tal-ħadid li jdawwar il-perimetru tal-ajruport.
Skont kelliem għall-Pulizija jidher illi l-identità ta’ dawn l-persuni għadha mhix magħrufa, filwaqt li t-tfittxijiet għaż-żewġ persuni maħruba għadhom għaddejin. B’rapporti oħra qed jgħidu li l-irġiel maħrubin huma fil-fatt ta’ nazzjonalità Marokkina.
//= $special ?>