Lokali

Ebda soluzzjoni għall-iljuni li jinsabu f’razzett fin-Naxxar

Ebda żblokk dwar il-każ tal-erba’ iljuni u pantera illi qed jinżammu fi stat inuman. Dan minkejja li l-awtoritajiet relatati kollha ġew infurmati – iżda il-Gvern ma għandux ir-riżorsi neċċessarji biex dawn jiġu rilokati f’post aħjar.

Net News tkellem mal-preżentatriċi u l-producer tal-programm ‘Vuċi għall-Animali’ li żvelaw din l-istorja ta’ kif dawn il-felini kbar qed jinżammu fi propjeta  privata fin-Naxxar bla permess u b’mod illegali.

Darryl Grima attivist favur l-annimali u producer tal-programm spjega li issa li ġie infurmat il-Veterinary Regulations Department, dawn l-annimali li nstabu bul-ġuħ u bil-għatx huma responsabbiltà tal-Gvern.

Grima spjega li fost dawn l-iljuni hemm koppja li għadhom jgħammru sallum stess b’riskju li din il-probelma tkompli tikber – filwaqt li iljun ieħor minnhom huwa iljun xiħ.

Il-preżentatriċi Althea Galea esprimiet it-tħassib tagħha għall-fatt li dawn l-annimali ma għandhomx fejn jiġu rilokati.

Intant,persuni li tkellmu ma’ dawn l-attivisti u li xtaqu jibqgħu annonimi qalu li iljun minnhom kien instab bla ħajja wara li ġie mikul mill-annimali l-oħra tant kemm dawn l-annimali  tħallew bil-ġuħ.

Althea Galea spjegatilna li huma se jkunu qegħdin isegwu kontinwament din il-propjeta fejn qed jinżammu dawn l-annimali.