Internazzjonali

Gaza: Jinqatlu Kapijiet tal-Pulizija tal-Ħamas,  fost ir-rejds tal-Iżraeljani

Il-Kap u l-Viċi-Kap tal-Pulizija fil-Medda ta’ Gaza nqatlu waqt attakk mill-qawwiet ta’ Iżrael fuq kamp tat-tined li qed jipprovdi kenn lil numru kbir ta’ refuġjati Palestinjani. Il-Korp tal-Pulizija hu kontrollat mit-terroristi tal-Ħamas u l-Ministeru tal-Intern tal-grupp ikkundanna ‘l-assassinar’ tal-Kapjiet,  Mahmoud Salah and Hussam Shahwan, li skont hu kienu qed iwettqu ‘ħidma umanitarja’ fil-kamp.

Mietu anki għaxra oħra, inklużi t-tfal, fl-attakk tal-Iżraeljani fuqil-kamp ta’ al-Mawasi, fil-limiti ta’ Khan Younis. Iżrael, intant, sostna li l-azzjoni kienet intiża għall-eliminazzjoni ta’ Shahwan; meqjus bħala terrorista li kien strumentali biex il-ferggħa militari tal-Ħamas tippjana u twettaq l-attakki fuq il-qawwiet Iżraeljani f’Gaza.

Ir-rapporti qalu li nqatlu ‘il fuq minn 30 waqt attakki oħrajn mill-qawwiet Iżraeljani fuq l-ibnadi diversi ta’ Gaza – bl-Iżraeljani jgħidu li l-qawwiet tagħhom interċettaw xi missili sparati lejhom mill-Ħamas fin-naħa t’isfel tat-territorju.

Intant, il-Ministeru għall-Intern f’Gaza qed jakkuża lil Iżrael dwar politika speċifika li qed  tferrex il-kaos minbarra li qed iżżid mat-tbatija tal-poplu Palestinjan. Il-Ministeru qal li l-qtil tal-Kapijiet tal-Pulizija kien ‘jinkwadra f’dan il-pjan’ fost l-insistenza li l-Pulizija ta’ Gaza huma aġenzija għall-protezzjoni tal-poplu minbarra li jipprovdi s-servizzi utli oħrajn lill-Palestinjani.