Internazzjonali

Il-Montenegro: Luttu nazzjonali wara l-massakru tal-Ewwel tas-Sena

Il-Gvern tal-Montenegro iddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali – effettivi minn issa – wara li aggressur qatel 12-il persuna, fosthom żewġt itfal, waqt sensiela ta’ sparaturi f’zona tal-pajjiż lejn in-Nofsinar.

Il-Pulizija qalu li l-qattiel, identifikat bħala Aco Martinovic, kien qed jixrob l-alkoħol mingħajr rażan f’Jum l-Ewwel tas-Sena u meta hu kien involut f’tilwima ma’ persuna f’ristorant fl-inħawi ta’ Cetinje.

Wara l-argument, ir-raġel mar id-dar, fejn ġabar arma tan-nar u rritorna lejn ir-ristorant fejn beda jispara fuq in-nies – b’numru minnhom imutu fuq il-post. Fost il-vittmi kien hemm is-sid tar-ristorant u ż-żewġ uliedu ta’ għaxar snin u tlettax-il sena.

Markovic, imbagħad, saq il-karozza tiegħu lejn ħames lokalitjiet oħra fejn ukoll fetaħ in-nar fuq diversi nies – inkużi qrabatu. Meta l-pulizija, imbagħad, interċettaw lill-aggressur hu injora d-direttivi biex iċedi u spara għalih innifsu – bir-riżultat li miet waqt li l-pulizija kienu qed iwassluh lejn l-isptar.