Raġel minn Raħal Ġdid li kien akkużat li sawwat lit-tfajla tiegħu u li heddidha b’pistola ġie lliberat mill-akkużi wara li l-allegata vittma tiegħu qalet lill-Qorti li ma riditx tixhed aktar kontrih. Melvin Debono ta’ 33 sena u magħruf bħala “Il-Quws”, ix-xahar li għadda ġie mixli li weġġa’ ħafif lit-tfajla tiegħu, heddidha u li kiser il-kundizzjonijiet f’diversi kawżi kriminali separati pendenti li qed jiffaċċja.
Il-prosekuturi allegaw li Debono kien kaxkar lit-tfajla tiegħu f’karozza, saqha f’post remot u mbagħad sawwatha bil-ponn u wara b’pistola. Debono allegatament spara wkoll il-pistola fl-arja. Il-pulizija qalet li ma setgħetx issib dik l-arma.
Debono huwa magħruf sew mal-uffiċjali tal-pulizija u ilu jiffaċċja sensiela ta’ akkużi f’każijiet mhux relatati, li jvarjaw minn theddid lill-uffiċjali tal-pulizija għal ħruq u traffikar tad-droga. Fost każijiet oħra huwa kien ġie mixli li fl-2020 kien wieħed mis-seba’ persuni li ġew arrestati fuq traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus.
Fi Frar tal-2021, Debono kien ingħata l-libertà proviżorja fuq dan il-każ wara li kien arrestat f’rejd tal-pulizija, li fih ġew irkuprati €800,000 f’karozzi lussużi, deheb u flus kontanti. Huwa kien arrestat ukoll fuq theddid ta’ mewt u sewqan perikoluż lura f’Lulju 2021, u reġa’ ngħata l-ħelsien mill-arrest.
F’Novembru tal-2001 Debono ukoll kien wieħed minn tliet irġiel arrestati f’operazzjoni fuq droga. Il-Pulizija rċeviet informazzjoni li l-irġiel kellhom id-droga fil-pussess tagħhom u kienu qed jagħmlu użu minn vetturi differenti l-ħin kollu. Il-Pulizija osservaw lill-irġiel mill-bogħod, u eventwalment waqqfuhom fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi.
Huma fittxew il-vettura li kienu fiha s-suspettati, eventwalment sabu ammont sostanzjali ta’ droga, suspettata li kienet kokaina, lesta għat-traffikar. Il-Pulizija kkonfiskat ukoll somom kbar ta’ flus, filwaqt li għamlet tfittxijiet addizzjonali fir-residenzi privati tagħhom u f’showroom tal-karozzi.
Sadanittant meta Debono tressaq il-Qorti dwar l-allegat attakk fuq it-tfajla tiegħu x-xahar li għadda l-allegata vittma tiegħu qalet lill-Qorti li ma riedetx tkompli bil-każ kontrih, għax qalet li jħobbha u ma riditux li jispiċċa l-ħabs.
Il-maġistrat iżda dak inhar ddeċidiet li l-każ għandu jibqa’ għaddej. Meta l-każ kompla fit-30 ta’ Diċembru quddiem maġistrat differenti, t-tfajla ta’ Debono insistiet li jitwaqqgħu l-akkużi. Saħqet li anke meta l-qorti offriet li tagħtiha ftit jiem biex tirrifletti fuq id-deċiżjoni li ħadet, xorta baqgħet tinsisti li jaqgħu l-akkużi.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, iddeċidiet li tilqa’ t-talba tagħha, filwaqt li nnotat li l-vittma kienet saħqet li ma kinitx qed tiġi mġiegħla jew tiffaċċja pressjoni biex tneħħi l-akkużi u li kienet irrifjutat l-offerta ta’ ftit jiem biex terġa’ tikkunsidra l-pożizzjoni tagħha.
Bħala riżultat, il-każ waqa’. F’isem id-difiża dehru l-avukati Franco Debono u Adreana Zammit. L-Avukat Charles Merceica deher f’isem il-vittma.
//= $special ?>