Lokali

“Johann Grech irid jagħti kont ta’ għemilu” – Editorjal tat-Times of Malta

“Johann Grech irid jagħti kont ta’ għemilu”.

Hekk intqal fl-editorjal tat-Times of Malta, fejn l-editur spjega illi minkejja li l-kumment riċenti ta’ Ridley Scott dwar Malta kien wieħed kontroversjali, għandna nżommu responsabbli lil Johann Grech u lil dawk li huma eletti.

Bl-editur jispjega li minkejja li jifhem ir-reazzjoni tal-poplu għall-kumment li għadda Ridley Scott dwar pajjiżna – dan il-kumment għandu jħeġġeġ lill-poplu jsaqsi dwar is-sussidji, li possibbilment huma ġenerużi żżejjed, u l-prodott turistiku li qed niġbdu mis-settur tal-films.

Kien fid-dawl ta’ dan li l-editur staqsa għaliex għandna nikkunsidraw diretturi tal-films – li jibbenefikaw mill-fondi Maltin – bħala ambaxxturi ta’ pajjiżna.

Bl-editur jgħid li dawn l-aspettattivi huma riżultat tal-gidba li ġie mġiegħel jemmen il-poplu Malti u Għawdxi, li jekk lil Scott intuh dak l-imsejjaħ ‘red carpet treatment’, awtomatikament se jirriżulta f’reklam għat-turiżmu.

Intant, l-editur insista li għandna ndawru ħarsitna lejn l-iskema ta’ sussidju deskritta bħala aggressiva – skema li minna Ridley Scott ibbenefika 46.7 miljun ewro. Dan filwaqt li spjega wkoll li minkejja li l-industrija tal-films issarraf f’benefiċċji, għandhom jiġu kkunsidrati l-effetti ta’ allokazzjoni sproporzjonata ta’ fondi.

It-Times fakkret li kien l-Awditur Ġenerali li ddikjara li huwa nkwetanti n-nuqqas ta’ rendikont fin-nefqa finanzjarja tal-Kummissjoni tal-Films. U inkwetanti wkoll is-saħħa li għandu l-Kummissarju Johann Grech.

Hawn…issemma’ l-fatt li minkejja dan kollu, l-Prim Ministru Robert Abela xorta waħda baqa’ jagħlaq għajnejh quddiem il-miljuni kbar li qed jittajjru bl-addoċċ.