L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkonferma li nhar l-1 ta’ Jannar għall-ħabta tal-11:30 ħin lokali, l-Aerodrome Operations Unit tal-ajruport ġiet infurmata mill-Malta Air Traffic Services li ntlaqgħet talba mill-ekwipaġġ tat-titjira tat-Turkish Airlines TK619, operata minn Istanbul lejn Marrakesh, li l-ajruplan jiġi devjat lejn Malta minħabba raġunijiet mediċi.
It-timijiet tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta informaw lill-awtoritajiet relevanti, inkluż l-isptar Mater Dei u t-tim tal-Immigrazzjoni, b’mod immedjat, skont il-proċedura stabbilita. Sussegwentement, is-Surġent tal-Immigrazzjoni talab għal arranġamenti speċifiċi għall-inżul tal-passiġġier minn fuq l-ajruplan, inkluż il-ftuħ ta’ bieb wieħed biss tal-ajruplan, l-użu ta’ taraġ wieħed, u l-preżenza ta’ tim tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) fuq il-post.
L-ajruplan niżel f’Malta f’12:03, filwaqt li l-vetturi ta’ emerġenza li ntbagħtu mill-isptar Mater Dei waslu fuq il-post ftit tal-ħin wara.
Il-Pulizija tal-Immigrazzjoni avviċinat l-ajruplan mit-taraġ imqiegħed fuq in-naħa ta’ quddiem tal-ajruplan, fejn kienu stazzjonati il-membri tal-AFM.
Ftit tal-ħin wara li l-ambulanza telqet lejn l-isptar, erba’ passiġġieri ntlemħu jiġru miż-żona ta’ parkeġġ tal-ajruplan lejn il-mitjar. Il-passiġġieri maħruba qabżu mill-ajruplan, hekk kif fetħu l-bieb tan-naħa ta’ wara tal-ajruplan mingħajr awtorizzazzjoni, u evadew l-uffiċċjali tal-AFM li kienu stazzjonati ħdejn l-ajruplan. Iċ-ċentru ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru ġie infurmat immedjatament, u Runway 13-31 ingħalqet bħala prekawzjoni. Wara li seħħ dan, ġie ikkonfermat minn filmat miġbud mis-sistema ta’ CCTV li l-erba’ passiġġieri maħruba qabżu l-ilqugħ tal-ħadid li jdawwar il-perimetru.
Il-mitjar infetaħ mill-ġdid fis-13:22, u l-ajruplan ngħata permess jitlaq minn Malta mill-AVSEC u l-Pulizija tal-Immigrazzjoni fis-14:24.
Matul l-inċident, il-proċeduri ta’ koordinazzjoni mal-Awtoritatijiet Statali kollha ġew segwiti.
//= $special ?>