Lokali

Se jappellaw mid-deċiżjoni dwar Chambray

Għadd ta’ għaqdiet se jkunu qed jappellaw id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li jitkissru l-Barracks storiċi tal-Ingliżi fil-Forti Chambray biex il-Forti jkun jista’ jiġi żviluppat f’kumpless ta’ 105 unità residenzjali, aparthotel b’64 kamra u 50 appartament, u faċilitajiet kummerċjali oħra.

L-għaqdiet qed jappellaw lill-pubbliku biex jgħinhom f’din il-ġlieda biex jiġi salvat il-Forti Chambray permezz tad-donazzjonijiet tiegħu.

L-għaqdiet saħqu li d-deċiżjoni oxxena tal-Awtorità tal-Ippjanar li jiġi mkisser il-wirt storiku tagħna biex l-iżviluppaturi jkomplu jibnu aktar appartamenti għall-profitti privati qabżet kull limitu aċċettabbli. L-istqarrijiet assurdi mill-Ministeru tal-Kultura li l-pjanijiet ta’ żvilupp f’Chambray huma allinjati mal-viżjoni li l-Kavallieri kellhom għall-Forti huma konferma li ntilfet id-direzzjoni.

L-għaqdiet saħqu li huma se jkunu qed jirrikorru għall-mezzi mogħtija lilhom mil-liġi biex jiġu mwaqqfa l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-Forti Chambray, liema pjanijiet jikkostitwixxu ksur ċar tal-liġijiet li jissalvagwardjaw il-patrimonju kulturali tagħna.

Skont l-aħħar kuntratt, il-Gvern impenja ruħu li se jkun responsabbli għax-xogħlijiet ta’ konsolidazzjoni tal-art taflija li fuqha huwa mibni l-Forti, għar-restawr tas-swar, u għall-manutenzjoni eventwali tal-Forti. Dan essenzjalment ifisser li l-poplu mhux biss ġie mċaħħad mid-dritt li jgawdi l-wirt storiku tiegħu, iżda se jkun ukoll qed iħallas għar-restawr tal-Forti mit-taxxi tiegħu sabiex l-iżviluppaturi jagħmlu profitti kbar minn fuqu.

L-għaqdiet BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Din l-Art Ħelwa – Għawdex, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Għawdix, Moviment Graffitti, ir-Ramblers’ Association of Malta, The Archaeological Society Malta u Wirt Għawdex insistew li la l-Gvern u la ebda żviluppatur m’għandhom dritt ikissru parti mill-istorja ta’ pajjiżna. L-għaqdiet saħqu li huma lesti li jiġġieldu kontra dawn l-inġustizzji b’kull mezz legali possibbli, u appellaw lill-pubbliku għall-appoġġ tiegħu.