Taljan ta’ 34 sena ġie kkundannat sena ħabs mill-Il-Maġistrat Marseann Farrugia wara li nstab ħati li seraq scooter minn San Ġwann u għajjar u hedded seba’ pulizija waqt li kien fis-sakra f’San Ġiljan. Dan meta fuq rasu kellu mdendla sentenza sospiża fuq każ ieħor.
Christian Faranda Gnao instab ħati li f’Ottubru li għadda seraq l-iscooter minn Triq Mensija u wettaq dan ir-reat waqt li kien għadu taħt sentenza sospiża ta’ priġunerija li għalhekk tali sentenza spiċċat effettiva. Hu nstab ħati ukoll fl-aħħar jum ta’ Awwissu seraq oġġetti minn supermarket f’San Ġiljan, hedded seba’ pulizija u ma obdiex l-ordnijiet tagħhom, kiser il-paċi pubblika u kien fis-sakra fil-pubbliku.
Għall-ewwel Faranda Gnao ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih iżda ftit wara, ddeċieda li jammetti. Meta tressaq l-Qorti, din wissietu li reati bħal dawn iġibu magħhom sentenza ta’ ħabs effettiva. Hawn hu qal li ma kienx jaf kif se jwieġeb u l-Qorti kkunsidrat li kien se jwieġeb mhux ħati.
Eventwalment, hu informa lill-Qorti li uffiċjalment kien se jwieġeb ħati u li dik hija d-deċiżjoni finali tiegħu. Il-Qorti qalet li qed tikkunsidra l-fatt li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u ammetta fi stadju bikri. Hu ġie kkundannat 10 xhur ħabs u mmultat €800.
Ġie kkundannat xahrejn ħabs oħra talli wettaq ir-reati waqt li kien għadu taħt sentenza sospiża. Ġie ordnat ukoll iħallas €450 lis-sid tal-iscooter. L-Ispetturi Eman Hayman u Darryl Farr mexxew il-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Ylenia-Marie Abela.
//= $special ?>