Lokali

“Sistemi fraġli, ostakli kawża tal-burokrazija u tmexxija ta’ inkonsistenzi” – MEIA

L-Assoċjazzjoni tad-Divertiment u l-Arti Maltija appellat sabiex jiġu ndirizzati l-isfidi li pajjiżna ilu jaffaċja għal dawn l-aħħar snin hekk kif qed naraw biss sistemi fraġli, ostakli kawża tal-burokrazija u tmexxija ta’ inkonsistenzi.

Permezz ta’ stqarrija lill-midja, l-Assoċjazzjoni qalet li d-dipendenza ta’ Malta fuq proġetti ta’ vanità u n-nefqa mmexxija minn moħħ politiku qed twassal għal qasma kbira bejn is-setturi kreattivi pubbliċi u indipendenti.

U hekk kif issa bdejna sena ġdida, l-MEIA saħqet li tul dawn ix-xhur li ġejjin se tassigura li tilħaq għadd ta’ miri sostenibbli għas-settur tagħha. Fost dawn hemm li l-governanza fil-Kummissjoni tal-Films timxi ‘l quddiem permezz tat-trasparenza, infieq responsabbli u rispett lejn il-komunità lokali.

Tkellmu wkoll dwar il-ġlieda kontra n-nepotiżmu u li jkun hemm fis-sehh strutturi adekwati biex isiru pagamenti tax-xogħol li jkun sar. U dan apparti li jiġi ndirizzat il-bżonn urġenzi għal spazju kreattiv li jkun aċċessibli għall-artisti sabiex jimirħu f’xogħlhom u joħorġu fil-beraħ it-talent tagħhom.

Huma appellaw ukoll li tiġi implimentata liġi li tagħti spazju sostenibbli u ġust meta wieħed jaħdem fl-industrija tal-films f’pajjiżna. U jkun hemm ukoll ikampanja ta’ linji gwida dwar kif il-fondi tal-Awtorità tat-Turiżmu jiġu mqassma filwaqt li jkun hemm iżjed komunikazzjoni mal-MEIA.

L-Assoċjazzjoni stiednet lill-istakeholders biex jingħaqdu magħha sabiex ikompli x-xogħol matul din is-sena. Dan sabiex verament naraw futur inklużiv u sostenibbli li jgħolli u jagħti ċans lil kulħadd.