Internazzjonali

Stati Uniti: It-terrorista ta’ New Orleans kien bagħat il-messaġġi ta’ lealtà lill-ISIS qabel l-attakk tal-Ewwel tas-Sena

It-terrorista li qatel 14 il-persuna waqt l-attakk terroristiku tal-Ewwel tas-Sena fi New Orleans, qabel l-attakk, kien bagħat il-filmati online fejn ħalef lealtà lill-grupp (terroristiku) ISIS…Dan ukoll fost stqarrija li hu kien ‘mija-fil-mija’ ispirat minn dak il-moviment qattiel.

L-aġenti tal-FBI li kkonfermaw dan, issa, jemmnu li Shamsud-Din Jabbar, eks-suldat mal-Armata tal-Istati Uniti, wettaq dan l-attakk waħdu – u wara li kienu qed jissemmew il- ‘kompliċi suspettati’ li setgħu għenuh waqt l-azzjoni.

Waqt li kien qed isuq minn Houston, f’Texas, lejn New Orleans biex iwettaq il-‘missjoni tal-mewt’, Jabbar bagħat diversi videos fejn faħħar l-aġir tal-ISIS.

Messaġġ partikulari żvela li l-qattiel, oriġinarjament, kien qed jippjana biex jelimina lill-familja tiegħu stess iżda ħass li azzjoni bħal din ‘ma kenitx se tenfasizza l-gwerra bejn l-Iżlamiċi u oħrajn li ma jemmnux fir-reliġjon tagħhom’.

L-aġenti wettqu l-mijiet tal-intervisti fost l-analiżi tal-messaġġi li l-qattiel bagħat fuq il-media soċjali u meta ma nstabux il-provi li hu kien qed jaħdem ma’ xi grupp ta’ kollaboraturi’.

Kollox, intant, wassal biex Shamsud-Din Jabbar, fis-sigħat bikrin ta’ Jannar, isuq pick-up truck direttament għal fuq il-folol  tan-nies li kienu qed jiċċelebraw il-bidu tas-sena ġdida fil-French Quarter ta’ New Orleans. U wara li ħalla diversi vittmi u għexieren tal-midruba, l-aggressur inqatel hu wkoll mill-pulizija waqt sparatura fuq il-post tal-inċident.

Il-filmati mill-kameras għas-sorveljanza fil-French Quarter ta’ New Orleans anki wrew lil Jabbar waqt li kien qiegħed xi splussivi f’dik iz-zona

Issa, sar magħruf ukoll li l-aggressur għażel il-mument tal-attakk f’ħin meta n-nies – fil-maġġoranza assoluta żgħażagħ – kienu ħerġin mill-pubs u postijiet oħra ta’ divertiment fiċ-ċentru tan-‘nightlife’ fi New Orleans.

Dan  ukoll meta l-età medja tal-vittmi kollha ta’ dan l-attakk qed tkun ikkalkulata bejn l-20 u t-23 sena.

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, li għadu qed iżomm ruħu aġġornat bl-iżviluppi minn New Orleans, ukoll ikkonferma li  Din Jabbar kien ‘ispirat’ mill-grupp terroristiku ISIS. Dan wara li l-aġenti tal-FBI, kmieni llum, kienu elevaw bandiera tal-grupp fit-trakk li ntuża għall-attakk brutali tal-Ewwel tas-Sena.