L-awtoritajiet Amerikani qed jaħsbu li kien hemm diversi persuni involuti fl-attakk terroristiku tal-Ewwel tas-Sena li ħalla 15 mejtin u għexieren ta’ feruti fil-belt ta’ New Orleans.
U filwaqt li l-protagonista ewlieni fl-attakk spiċċa maqtul mill-pulizija, l-awtoritajiet, fil-preżent, qegħdin jippjanaw kaċċa għal suspettati oħrajn fuq livell ta’ ‘dragnet’…..Sistema għall-miżuri koordinati li twassal għall-arrest tas-suspettati — u meta għalissa ma hemmx ħjiel li l-pulizija kienu qed iżommu xi persuni biex jgħinu bl-istħarriġ.
Is-sewwieq tat-trakk li saq direttament għal fuq il-folol tan-nies li kienu qed jiċċelebraw il-bidu tas-sena ġdida fil-French Quarter ta’ New Orleans issa hu identifikat bħala Shamsud-Din Jabbar – veteran tal-Armata Amerikana minn Texas u li wkoll tilef ħajtu ftit wara li hu kien fetaħ in-nar fuq il-pulizija fil-post tal-inċident.
Issa, sar magħruf ukoll li l-aggressur għażel il-mument tal-attakk f’ħin meta n-nies – fil-maġġoranza assoluta żgħażagħ – kienu ħerġin mill-pubs u postijiet oħra ta’ divertiment fil-French Quarter, magħruf bħala ċ-ċentru tan-‘nightlife’ fi New Orleans… Dan ukoll meta l-età medja tal-vittmi kollha ta’ dan l-attakk qed tkun ikkalkulata bejn l-20 u t-23 sena.
Fit-trakk tal-aggressur, li nqatel mit-tiri li sparawlu l-pulizija, instabu anki xi oġġetti suspettati bħala tagħmir splussiv u bil-pulizija televa oġġetti simili mill-ibnadi tal-French Quarter….Sejbiet li jindikaw li t-terrorista kellu l-għajnuna ta’ ħaddieħor u x’aktarx ‘ma kienx qed jaġixxi waħdu’.
Fl-istess ħin, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, li għadu qed iżomm ruħu aġġornat bl-iżviluppi minn New Orleans, ikkonferma li Din Jabbar kien ‘ispirat’ mill-grupp terroristiku ISIS. Dan wara li l-aġenti tal-FBI sabu bandiera tal-grupp fit-trakk li ntuża għall-attakk – u bil-Bureau tal-FBI, issa, jikkonferma li l-azzjoni fi New Orleans qed ikun trattata bħala att ta’ terroriżmu.
Filwaqt li l-awtoritajiet ma żvelawx uffiċjalment l-ismijiet tal-vittmi tal-attakk, mifhum li fost il-mejtin hemm atleta magħruf tal-futbol Amerikan u tfajla li kienet qed tistudja biex issir infermiera.
Fl-istess ħin, il-President Biden qal li ma nstabet l-ebda konnessjoni bejn l-attakk fi New Orleans u l-isplużjoni, sigħat wara, ta’ Cybertruck tat-Tesla barra t-Trump Hotel ta’ Las Vegas, fl-Istat ta’ Nevada. L-awtoritajiet, fl-aħħar sigħat, kienu qed jinvestigaw l-isplużjoni li swiet il-ħajja tax-xufier tas-Cybertruck minbarra li ħalliet ukoll diversi midruba.
Sadanittant, l-attenzjoni tal-poplu u l-media Amerikana qed tikkonċentra fuq New Orleans fejn għad hemm arja tqila ta’ tensjoni u inċertezza. Dan ukoll meta għad hemm preżenza tal-pulizija ħafna akbar mis-soltu fil-famuża Bourbon Street, magħrufa bħala ċentru għall-mużika jazz u fi bnadi oħra tal-belt.
Iċ-ċirkustanzi ta’ wara l-attakk qed ifissru anki sfida ħafna akbar għaz-zamma tas-sigurtà meta għaddejjn it-tħejjijiet għal-logħba futbol annwali bejn il-kulleġġi magħrufa bħala Sugar Bowl….Avveniment li jsir fis-Caesars Superdrome ta’ New Orleans u li, kull sena, jattira l-għexieren tal-eluf tal-ispettaturi. Il-logħba, fil-fatt, kienet posposta min-nhar it-Tlieta għal dan il-lejl, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-attakk.
L-attakki fi New Orleans u Las Vegas, sadanittant, wasslu biex l-awtoritajiet fil-belt ta’ New York ukoll iżidu s-sigurtà fl-aktar zoni strateġiċi bħala prekawzjoni. Is-Sindku ta’ New York, Eric Adams, qal li l-awtoritajiet lokali ippreferew li jeżerċitaw il-massimu tal-kawtela anki jekk ma kien hemm l-ebda theddid speċifiku kontra r-residenti ta’ din il-belt.
//= $special ?>