Lokali

“Tidħol fis-seħħ is-sena iktar ħlas ta’ bolol li jrid Robert Abela” – PN

Mill-bieraħ, il-bidu tas-sena, l-ġdida, daħlet fis-seħħ is-sena aktar ħlas ta’ bolol li ħabbar il-Gvern ta’ Robert Abela fil-Budget 2025.

Meta ressaq il-budget għal din is-sena f’Ottubru li għadda fil-Parlament il-Ministru Clyde Caruana ħabbar hekk: “Se ndaħħlu miżura sabiex l-ammont ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet li persuna jkollha bżonn biex tieħu l-pensjoni sħiħa jiżdied b’sena. Din se tolqot persuni li twieldu fl-1976 jew wara li għalihom il-perjodu stipulat ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, imħallsa jew akkreditati, se jkun ta’ 42 sena, minflok 41 sena kif inhu bħalissa.”

Jgħid x’jgħid il-Gvern u jgħid kemm jgħid il-Labour li din hi xi fake news, b’din il-miżura li jrid Robert Abela, kull min twieled wara l-1976 irid iħallas sena iktar bolol.

Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista fejn ġie spjegat li din il-miżura tfisser eluf ta’ ewro li flok jibqgħu fil-but tiegħek u ta’ familtek, qed jeħodhom Robert Abela biex iqassamhom lil tal-qalba. Ma’ dal-Gvern trid tistenna sena oħra, u tħallas sena aktar bolla, biex tieħu l-pensjoni.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Partit Laburista, waqt li lilek iġegħluk tħallas sena żejda f’bolol biex tieħu pensjoni sħiħa, huma ma jiddejqu xejn jagħtu direct order ta’ €78,000 fis-sena lill-eks Ministru Justyne Caruana li ħadd ma jaf minn fejn qed taħdem u x’inhu x-xogħol li suppost tagħmel, u ma jiddeqjux lanqas jagħtu xejn inqas minn 11-il impjieg jew pożizzjoni differenti fuq bordijiet tal-Gvern lill-eks kollega tal-Prim Ministru u martu, Ryan Pace.

Waqt li Robert Abela u Clyde Caruana se joħdulek sena iktar ħlas f’National Insurance, ta’ madwarhom ikomplu jitħanżru u jiffangaw. U minkejja li bdejna sena ġdida, jidher li se jkomplu għaddejjin iqassmu flus il-poplu lil tal-qalba. Kif qalet tant tajjeb Rosianne Cutajar, “Kulħadd jitħanżer” kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Ma’ tal-Labour, tħanżir biss, tħanżir spiss. Waqt li inti tħallas sena żejda bolla biex tieħu l-pensjoni.

Gvern ġdid Nazzjonalista jerġa’ jneħħilek is-sena żejda bolla li żiedlek il-Gvern ta’ Robert Abela biex inti tieħu l-pensjoni, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.