Lokali

AĠĠORNATA: Żewġ Marokkini għadhom imfittxija, tlieta oħra rritornati lejn pajjiżhom

Żewġ irġiel Marokkini ta’ 28 u 34 sena ġew irritornati lejn pajjiżhom, wara li lbieraħ, flimkien ma’ żewġ Marokkini oħra ħarbu minn fuq ajruplan tat-Turkish Airlines.

B’żewġ irġiel Marokkini oħra għadhom qed jiġu mfittxija.

Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar, fl-ewwel jum tas-sena, meta ajruplan tat-Turkish Airlines għamel inżul ta’ emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li Marokkin ħass xi uġigħ.

Minn informazzjoni li għandha din il-kamra tal-aħbarijiet, jidher li erba’ persuni fetħu l-bieba ta’ wara tal-ajruplan li kien wieqaf f’Apron 8, taw is-salt, qabżu minn fuq l-ajruplan għal fuq ir-runway u ħarbu.

Sorsi qed jindikaw illi erba’ Marokkini qabdu u fetħu l-bieb tal-ajruplan huma, meta l-ekwipaġġ kien fuq naħa oħra tal-ajruplan.

B’dawn l-istess sorsi jindikaw li kien pilota, stand-by fuq Runway 13 f’Ajruplan tal-EasyJet, li nforma lit-torri tal-kontroll li kienu ħarbu xi persuni minn ajruplan tat-Turkish Airlines.

Intant, ir-raġel li ħass l-uġiegħ fuq l-ajruplan, u li għandu 28 sena ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie arrestat mill-Pulizija, u ftit sigħat wara dan kollu, l-Pulizija arrestaw żewġ irġiel Marokkini oħra ta’ 28 u 34 sena li kienu fost dawk li ħarbu.

Iżda issa għaddew aktar minn 24 siegħa mill-inċident u l-Pulizija għadha ma llokalizzatx iż-żewġ irġiel minn erba’ li ħarbu mill-ajruplan.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li t-tlett irġiel, li sa issa inqabdu, ġew irritornati f’pajjiżhom, filwaqt li nħarġet ordni ta’ projbizzjoni minn Malta u anke miż-żona Schengen.

It-titjira TK619 kienet telqet minn Istanbul, bl-aħħar destinazzjoni tagħha tkun dik ta’ Marrakech fil-Marokk. U fil-fatt….ftit aktar minn sagħtejn wara dan l-inċident, t-titjira kompliet bil-vjaġġ tagħha propju lejn Marrakech.

Fi stqarrija maħruġa mill-Malta International Airport ġie spjegat illi l-Pulizija tal-Immigtazzjoni flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta avviċinaw l-ajruplan mit-taraġ imqiegħed fuq in-naħa ta’ quddiem, u hekk kif l-ambulanza mill-Isptar Mater Dei telqet bil-passiġġier muġugħ – u kien hawn fejn l-erba’ passiġġieri evadew l-uffiċjali tal-AFM li kienu stazzjonati fejn l-ajruplan u ħarbu sakemm qabżu l-ilqugħ tal-ħadid li jdawwar il-perimetru tal-ajruport.