S’issa, il-poplu ma jafx min se jkun qiegħed jirrappreżentah fil-Kamra tar-Rappreżentanti minflok l-issa eks Deputat Laburista Randolph De Battista. Dan hekk kif dan tal-aħħar intgħażel mill-Prim Ministru Robert Abela biex ikun l-Ambaxxatur għal Malta f’Ginevra, wara xhur ta diżgwid bejn De Battista u l-istess Abela.
Għaldaqstant issa l-Partit tal-Labour għandu bżonn ħaddieħor minfloku, bl-isem ta’ min se jkun qed jintgħażel bħala co-option għadu mhux magħruf.
Lura fl-2022 l-istess Randolph De Battista kien tpoġġa’ fil-Parlament b’co-option mingħajr ma kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali. U issa sorsi qrib iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista qed ifesfsu żewġ ismijiet; l-eks uffiċjal fl-OPM ma’ Joseph Muscat, Nigel Vella u l-Minority Leader attwali ta’ Birkirkara Yana Borg Debono Grech.
Il-Ġimgħa filgħodu Net News staqsa lill-Ministru Michael Falzon min se jkun qed jirrappreżenta lill-poplu fil-Parlament. B’Falzon jisħaq li dak li jiġi diskuss mhux għall-konsum pubbliku u li l-poplu jkun jaf wara li jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Mistoqsi jekk ir-rappreżentant ta’ poplu għandux jingħażel b’sorpriża għall-poplu, Falzon baqa’ jinsisti li dawk huma deċiżjonijiet li żgur mhux għall-konsum pubbliku – minkejja li d-Deputat se jkun qed jirrappreżenta proprju liln-nies.
U fl-istess waqt li De Battista telaq kompletament mill-Parlament, Clayton Bartolo spiċċa Deputat Indipendenti wara l-iskandlu ta’ martu Amanda Muscat; skandlu li fih hemm involut il-Ministru Clint Camilleri. Skandlu li mhux l-unika wieħed li Camilleri spiċċa fih hekk kif allegatament jinsab involut ukoll fil-każ tal-irmiġġi …u fl-iskandlu tat-triq tan-Nadur.
Minkejja dan id-dell tqil fuqu, il-Ministru Camilleri għadu jokkupa postu fil-Kabinett.
Intant, meta affaċċjat bil-fatt li l-poplu jixtieq jara bidla fil-politika u l-attitudni ta’ min jirrappreżentah fl-ogħla istituzzjoni; il-Ministru saħaq li r-risposta tingħata fl-elezzjoni ġenerali.
//= $special ?>