Lokali

Il-Gvern ta’ Robert Abela u Clyde Caruana jdaħħal taxxi ġodda għal kumpaniji li joperaw fis-settur tas-servizzi finanzjarji – PN

Żieda sostanzjali fit-taxxi mħabbra baxx baxx lejliet il-Milied, li finalment se jbatu minnha l-konsumaturi

Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista iffirmata Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia u Graham Bencini, Shadow Minister għall-Finanzi, fejn ġie spjegat li sabiex jagħmlu tajjeb għad-dejn rekord li ġabu fuq pajjiżna, permezz ta’ avviżi legali ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern lejliet il-Milied, Robert Abela u Clyde Caruana ħabbru bosta taxxi ġodda.

Dawn it-taxxi – li wħud minnhom huma iktar mid-doppju ta’ kemm kienu qabel – jolqtu lill-kumpaniji li joperaw fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

It-taxxi huma għal banek, kumpaniji li joffru servizzi ta’ investimenti u insurance fost l-oħrajn. Hemm ukoll taxxi li jolqtu kumpaniji li joffru servizzi ta’ pagamenti. Dawn it-taxxi ma tħabbrux f’xi konferenza tal-aħbarijiet taħt xi tinda kbira quddiem Kastilja imma ddaħħlu baxx baxx proprju waqt il-festi tal-Milied.

Id-dejn rekord li ħolqu Robert Abela u Clyde Caruana – li għalih ma għandhom xejn x’juru – qed iwassal għal dawn it-taxxi ġodda li finalment se jbatu minnhom l-Maltin u l-Għawdxin.

Il-greylisting, kawża tal-politika tal-Gvern Laburista, ikkawża ħsara kbira lis-settur finanzjarju. Issa jmiss din id-daqqa oħra li tkompli titfa’ piż fuq l-operaturi fis-settur. Dan il-piż tat-taxxi finalment jispiċċa jġorru l-klijent, jiġifieri l-familji u n-negozji Maltin.

L-iskandli tal-aħħar snin fi ħdan numru ta’ entitajiet tal-Gvern, inkluż dawk li jaqgħu taħt il-Ministru Clyde Caruana, qed iwasslu biex ibatu l-konsumaturi Maltin u Għawdxin li ta’ kuljum jagħmlu użu minn servizzi bankarji, ta’  insurance u ta’ investimenti.

Filwaqt li tal-qalba jiffangaw u jitħanżru, it-taxxi jiżdiedu u jiddaħħlu baxx baxx fil-festi tal-Milied.