Internazzjonali

Il-Korea t’Isfel: Tensjoni fil-pajjiż wara li jfalli t-tentattiv għall-arrest tal-President

Il-kriżi politika fil-Korea t’Isfel qed tkompli anki fil-bidu tas-sena u wara li l-pulizija fallew f’tentattiv biex jarrestaw lill-President Korean Yoon Suk Yeol li hu sospiż minn dan ir-rwol…It-tentattiv sfuma wara konfront drammatiku, li dam għal sitt sigħat, bejn il-pulizija f’Seoul u l-membri tal-iskwadra għas-sigurtà ta’ Yoon.

Il-Pulizija kienu qed jippruvaw jesegwixxu mandat ta’ arrest li ħareġ ftit tal-jiem ilu wara li Yoon injora tlett sejħiet uffiċjali biex hu jippreżenta ruħu għal spjegazzjoni dwar l-aġir tiegħu bħala President.

Madankollu, il-150 uffiċjal tal-pulizija li marru biex jarrestaw lill-President ma setgħux ilaħħqu mal-ammonti kbar tas-sostenituri ta’ Yoon li nġabru madwar ir-residenza tiegħu fil-kapitali. Dan meta kien hemm anki ringieli ta’ staff tas-sigurtà tal-President fil-kwartieri ta’ ġewwa l-kumpless.

Minbarra l-pulizija kien hemm il-membri tal-Uffiċċju għall-Investigazzjoni tal-Korruzzjoni  u f’mument partikulari, il-membri tas-sigurtà madwar Yoon daħlu f’konfront jaħraq mal-uffiċjali investigattivi. Dan qabel l-uffiċjali tal-pulizija dikjaraw il-proċess għall-arrest ta’ Yoon bħala ‘prattikament impossibbli’.

Il-President Yoon jinsab taħt investigazzjoni talli abbuża l-poter u inċita rewwixta bid-direttiva tiegħu, f’Diċembru, biex jimponi l-liġi marzjali f’pajjiżu. Dan fost akkużi li hu ried joħloq il-paniku u l-kaos biex il-poplu ma jikkonċentrax fuq id-diversi abbużi ta’ poter tiegħu u ta’ martu, il-First Lady tal-Korea t’Isfel, Kim Keon-hee, li allegatament aċċettat ir-rigali lussużi biex tiffaċilita l-ambizzjonijiet tal-ħbieb u kollaboraturi tal-President.

Il-liġi marzjali spiċċat xolta ftit wara li ħarġet id-direttiva u li kieku Yoon ittieħed ‘il hinn mill-pulizija, kienet tkun l-ewwel darba li jinżamm taħt arrest President tal-Korea t’Isfel li teknikament għadu jokkupa l-kariga.

L-uffiċjali tas-sigurtà fil-kumpless tal-Presidenza xorta għadhom responsabbli għall-protezzjoni ta’ Yoon minkejja li hu ma jistax jiffunzjona bħala President, Is-sitwazzjoni, imbagħad, kompliet tikkumplika ruħha bl-intervent ta’ taqsima militari responsabbli mill-protezzjoni tal-belt ta’ Seoul.

Il-kelliema għall-Uffiċċju li jinvestiga l-Korruzzjoni qal li l-fatt li l-President qed jirrifjuta li jikkoopera mal-proċess legali għandu jallarma lill-poplu — u meta dan l-Uffiċċju, fl-aħħar sigħat, kien qed jikkunsidra x’passi jista’ jieħu ‘il quddiem.

L-Uffiċċju qal ukoll li parti mid-deċiżjoni biex l-arrest ma jsirx kienet l-issue tas-sigurtà tal-uffiċjali li marru fil-kumpless tal-Presidenza. Dan waqt li l-membri tas-sigurtà madwar il-President qalu li se jżommu lill-pulizija u lill-membri tal-Uffiċċju li jinvestiga l-Korruzzjoni responsabbli talli daħlu fil-proprjetà mingħajr ‘mandat validu’ kif ukoll għall-fatt li weġġgħu lil xi membri tal-istaff Presidenzjali.

Il-President Yoon ilu mill-bidunett jisfida l-proċess għall-investigazzjoni, bl-esperti jgħidu li hu, bħala eks-Kap Prosekutur, jaf sewwa minn fejn għandu jgħaddi – f’termini legali – biex jiddefendi ruħu kontra l-arrest.

Sadanittant, l-investigaturi għandhom sa nhar it-Tnejn, is-6 ta’ Jannar, biex jarrestaw lill-President, qabel jiskadi l-mandat ta’ arrest attwali.