Lokali Qorti

Il-Qorti tordna li mara terġa’ tiġi arrestata fuq ksur ta’ kundizzjonijiet

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat biex Amanda Borg Manduca ta’ 34 sena terġa’ tiġi arrestata mill-Pulizija minħabba li kisret il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest. Il-mara sa minn età tenera kellha il-problema tat-teħid tad-droga.

Mix-xhieda tal-probation officer ħareġ li minkejja li Borg Manduca ngħatat kull opportunità biex taqta’ l-vizzju tad-droga, ma kinitx qed tattendi l-appuntamenti mal-Caritas. Fil-Qorti xhed ukoll is-sieħeb tal-mara,

Anthony Bugeja qal lill-Qorti li kien huwa stess li informa lid-Dipartiment tal-Probation li t-tfajla tiegħu reġgħet qabdet triq ħażina wara li ħarġet mill-ħabs. Fix-xhieda tiegħu, ir-raġel spjega li tliet ijiem wara li ħariġha mill-ħabs meta ħallsilha d-depożitu, xejn ma baqa’ taħt kontroll.

Huwa qal fil-Qorti li fl-appartament li krielha huwa stess, bdiet iddaħħal diversi rġiel u tabbuża mid-droga. Il-Qorti qalet lir-raġel u ordnatlu li għall-ġid tiegħu, biex ma jkellimx iktar lill-akkużata. Fi tmiem ix-xhieda, il-Qorti kkonfermat l-arrest mill-ġdid tal-imputata peress li din ma qagħditx ma dak li kien jgħidilha l-uffiċjal tal-probation u li se tibqa’ tagħmel ta’ rasha.