Internazzjonali

Is-Sirja: Żvelat rejd tal-commandos Iżraeljani fuq faċilità tal-missili

Iżrael, fl-aħħar sigħat, żvela li mal-120 membru tal-qawwiet speċjali tiegħu attakkaw u qerdu faċilità taħt l-art għall-manifattura tal-missili għar-reġim tal-Iran….Rejd li seħħ fit-8 ta’ Settembru fl-artijiet tas-Sirja u li issa qed jissemma fost l-aktar azzjonijiet ikkumplikati u effettivi mwettqa mill-commandos Iżraeljani għal ħafna snin.

L-attakk seħħ meta l-eksdittatur Sirjan, Bashar al-Assad, kien għadu fil-poter – u meta Iżrael kien għadu ma bediex l-offensiva devastanti fuq il-gwerrillieri Xiti tal-Ħeżbollah fil-Libanu. U waqt li fil-ġimgħat sussegwenti kienu ħarġu xi ftit dettalji konfliġġenti dwar ir-rejd, hu biss issa li l-importanza ta’ dan l-attakk qed ikun tassew apprezzat għall-mod kif tmexxa mill-Iżraeljani.

Il-faċilità meqruda fis-Sirja, fost oħrajn, kienet qed tintuża mill-qawwiet Iranjani biex jipproduċu l-missili ta’ preċiżjoni għall-Ħeżbollah kif ukoll għar-reġim ta’ Assad f’Damasku. Din il-faċilità kienet tifforma parti minn muntanja, magħrufa bħala SSRC, fiz-zona ta’ Masyaf, lejn il-Punent tal-belt Sirjana ta’ Hama. Is-sit anki jinsab anqas minn 200 kilometru lejn it-tramuntana tal-fruntiera Sirjana ma’ Iżrael.