Lokali

“Issemmix lil Robert għax nivvomta” – Luke Dalli

Konferma oħra li ħadd ma jista’ jaħdem ma’ Robert Abela.

“Issemmix lil Robert għax nivvomta”.

Kienu dawn il-kliem eżatti li semgħu t-telespettaturi tas-Super One l-Ħamis filgħaxija prime-time, mit-tifel tal-eks Ministru Laburista u eks Kummissarju Ewropew Helena Dalli – Luke Dalli.

Luke Dalli, li huwa magħruf bħala preżentatur fuq is-Super One kien mistieden fil-programm ‘Grilling’, fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, fejn ftit mumenti qabel ma bdiet l-intervista tiegħu, instema’ jgħid lill-preżentatriċi biex ma ssemmilux lil Robert għaliex jivvomta; ċioe, jaqla’ kull ma għandu fuq l-istonku.

Mhu l-ebda sigriet illi Luke Dalli, li jiġi mill-klikka ta’ Joseph Muscat ….u l-mexxej tal-Labour, Robert Abela ma jarawx għajn m’ għajn. Dan wara numru ta’ sitwazzjonijiet xprunati minn Abela fil-konfront tal-familja Dalli.

Biex issa, sorsi qrib il-Prim Ministru qed jgħidu li jekk Luke Dalli għandu problema b’Robert Abela kulma għandu jagħmel hu li jitlaq mill-ħafna retainers li għandu mal-Gvern – fi kliem sempliċi, id-diversi kuntratti li għandu.

Lura f’Settembru li għadda, Luke Dalli kien tqaċċat minn fuq is-Super One mill-klikka ta’ Robert Abela, meta l-programm ‘Awla’ ingħata lill-eks Uffiċjal tal-Komunikazzjoni Ronald Vassallo – b’Dalli – permezz tal-midja soċjali tiegħu – jispjega li “ġaladarba jkun hemm iċ-ċirkustanzi ġusti li jirritorna, huwa jagħmel dan”.

Propju ftit jiem wara, Dalli ħabbar ukoll illi ommu, l-eks Ministru Laburista Helena Dalli kienet qed tiġi mhedda, hekk kif rċeviet droga u anke ittra fuq l-għatba tad-dar tagħha. Bil-familja Dalli tirrapporta lill-awtoritajiet, iżda wara xhur sħaħ ma sar xejn.

Sakemm l-aħbar ġiet żvelata mill-gazzetta ‘il-mument’.

Apparti minn hekk, is-sitwazzjoni saħnet sew meta r-raġel tal-eks Ministru Dalli – Patrick Dalli stqarr li saru maniġġi minn żewġ diriġenti għolja tal-Partit Laburista fil-ħatra ta’ President ta’ Malta – li għaliha kienet qed tissemma’ l-istess Dalli; mossi li kienu deskritti mir-raġel tagħha bħala “attakk faxxist mill-Laburisti”.

Intant, il-programm ‘Grilling’, li ġie mxandar fuq ONE il-Ħamis filgħaxija kien għaddej ukoll LIVE fuq il-paġna ta’ ONE fuq facebook, iżda malli indunaw dak li kien qed jiġi imxandar – dan tneħħa, fost paniku sħiħ fil-binja tas-Super One.

Dan il-programm, tniżżel ukoll mill-OnDemand tas-Super One, u reġa’ ttella’ – editjat din id-darba mingħajr il-kummenti tal-avukat Dalli.

Kien Net News illi tard bil-lejl żvela l-filmat ta’ Luke Dalli jlissel dan il-kliem. Bl-Avukat Dalli issa qed jgħid li kien qed jirreferi għall-Avukat Robert Aquilina u mhux għall-mexxej Laburista, Robert Abela.

Iżda l-kummenti taħt il-filmat juru li l-poplu Malti u Għawdxi ma emminx kelma waħda milli lissen Dalli fil-post tieghu.

Fil-fatt, ħafna irrimarkaw illi li kienu dak li qal Luke Dalli fl-ispjega tiegħu kien verità…kieku x-xandira ma kienitx titneħħa.