Lokali

“Jekk Robert Abela jonqos li jieħu l-passi li għandu jieħu, se jkun il-PN li jwaqqaf dan is-serq” – Bernard Grech

Dan hu l-messaġġ li wassal Bernard Grech ftit wara illi sar magħruf li ġie konkluża l-Inkjesta 17 Black:

Illum kellna konferma oħra li dan huwa Gvern ta’ frodi biss u frodi biss, u prova li l-powerstation tal-Electrogas hi monument tal-korruzzjoni.

L-aħbar li l-inkjesta maġisterjali dwar 17 Black tlestiet u li diversi persuni fil-qalba tal-Gvern Laburista se jitressqu l-Qorti hija konferma oħra tal-korruzzjoni f’kull livell tal-Gvern.

Issa nafu bil-provi li l-proġett tal-powerstation tal-Electrogas ma kienx dwar l-enerġija, iżda dwar il-korruzzjoni, maħdum mill-ogħla esponenti tal-Partit Laburista, fosthom Konrad Mizzi u Keith Schembri, taħt l-istruzzjonijiet ta’ Joseph Muscat, flimkien ma’ nies bħal Yorgen Fenech u oħrajn. Din il-klikka ffrodat lill-poplu b’kuntratt li jiswa €450 miljun.

Robert Abela issa għandu obbligu ċar: jieħu azzjoni immedjata u jiżgura li dak li nsteraq jiġi rritornat lill-poplu.

Mhux aċċettabbli li kull darba li l-poplu Malti u Għawdxi jixgħel id-dawl iħallas il-flus lill-korotti.

L-Avukat Ġenerali issa għandha obbligu li tippubblika l-inkjesta maġisterjali sħiħa biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf il-verità kollha.

Il-Partit Nazzjonalista se jara li l-Maltin u l-Għawdxin ma jibqgħux jiġu misruqa u jekk Robert Abela jonqos li jieħu l-passi li għandu jieħu, se jkun il-Partit Nazzjonalista li jwaqqaf dan is-serq.