Sarima ma’ ħalq l-awtoritajiet responsabbli biex jispjegaw x’ġara f’dan il-każ ta’ importanza nazzjonali li jikxef nuqqasijiet serji fis-sigurtà tal-pajjiż
Huwa surreali kif, jumejn wara li fl-Ewwel tas-Sena ħarbu numru ta’ persuni minn fuq titjira li niżlet b’emerġenza fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Gvern Laburista għadu ma ppubblika l-ebda stqarrija jew konferma dwar is-sitwazzjoni kurrenti u x’passi ttieħdu.
Saħaq dan ix-Shadow Minister Darren Carabbot hekk kif spjega li wara li kienu l-ġurnalisti li żvelaw dan il-każ, u wara li ħarġu saħansitra filmati li juru persuni jiġru fuq ir-runway, il-Gvern qed jagħmel sarima ma’ ħalq l-awtoritajiet responsabbli ta’ pajjiżna biex jagħtu spjegazzjoni ta’ x’ġara.
“Dan hu każ ta’ importanza nazzjonali, fejn inkixfu nuqqasijiet serji fis-sigurtà ta’ pajjiżna – b’żewġ persuni jinsabu maħruba u li għalihom għadha għaddejja s’issa tfittxija.”
Huwa insista li hija għarukaża kif f’każ ta’ importanza bħal dan, la l-Prim Ministru Robert Abela u wisq inqas il-Ministru responsabbli għall-Intern u s-Sigurtà Byron Camilleri ma lissnu kelma dwar dak li qed jiġri.
“Is-silenzju jfisser inkompetenza, u dan huwa każ ċar ta’ eżempju ieħor fejn il-Gvern qed jipprova jaħbi kollox taħt it-tapit.”
Il-Partit Nazzjonalista jixtieq jirringrazzja lill-uffiċjali li qed jaħdmu fuq dan il-każ biex jissolva.
//= $special ?>