Lokali

“Kien biss Gvern tal-Labour li fl-1996 neħħa l-Ministeru għal Għawdex” – PN

Tal-Labour jippruvaw jagħtu tagħhom lil ħaddieħor, insew li fi żmien Sant Għawdex ġie relegat għat-tieni diviżjoni, bid-deċiżjonijiet li jolqtu lill-Għawdxin jittieħdu minn Kastilja

Tal-Labour ma jafux jistħu. Dak li hu tagħhom jippruvaw jagħtuh lil ħaddieħor.

Insew li kien biss Gvern Laburista li fl-istorja tal-Ministeru għal Għawdex, neħħa l-Ministeru għal Għawdex u minflok, ħatar Segretarju Parlamentari mingħajr poteri eżekuttivi, bid-deċiżjonijiet li jolqtu l-Għawdxin jittieħdu minn Kastilja.

Filwaqt li kien Gvern Nazzjonalista li malli tela’ fl-1987 wettaq mill-ewwel il-wegħda elettorali prinċipali tiegħu għal Għawdex u ħatar l-ewwel Ministru għal Għawdex, taħt Gvernijiet Nazzjonalisti Għawdex dejjem kellu Ministru b’vuċi fil-Kabinett, u kien biss Gvern tal-Labour fi żmien Alfred Sant li neħħa l-Ministeru għal Għawdex. Dan kien wassal fl-1996 Għawdex u l-Għawdxin spiċċaw ġew relegati għat-tieni diviżjoni b’Segretarjat Parlamentari minflok Ministeru.

L-istess kien ġara fil-bidu tas-snin sittin meta Għawdex kellu Kunsill Ċiviku tiegħu li kien elett direttament mill-poplu, u li wkoll kien twaqqaf minn Gvern Nazzjonalista. Anke f’dan il-każ, dan il-Kunsill kien ġie abolit fl-1973 mill-Gvern Laburista ta’ Mintoff.

Imma l-Labour ma għandux żejt f’wiċċu u issa qed jipprova jagħti dak li hu tiegħu lil ħaddieħor, u ħareġ jgħid li Gvern ġdid Nazzjonalista jżarma l-Ministeru għal Għawdex.

Tal-Labour jidher li nsew ukoll li l-proposta li Għawdex ikollu Kunsill Reġjonali li jikkumplimenta lill-Ministeru għal Għawdex fit-tfassil ta’ politika reġjonali għal Għawdex tgawdi l-appoġġ tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili f’Għawdex li jaqblu li d-deċiżjonijiet dwar Għawdex li jolqtu lill-Għawdxin għandhom jittieħdu mill-Għawdxin stess. Il-Labour qed jeħodha kontra x-xewqa tal-imsieħba soċjali Għawdxin.

Dak li l-Labour ħareġ jiskanta dwaru meta qal li nkixef xi pjan li għandu l-PN għal Għawdex ilu magħruf is-snin. Il-Partit Nazzjonalista ilu snin twal jipproponi li Għawdex ikollu Kunsill Reġjonali elett direttament mill-Għawdxin u aktar minn hekk li Għawdex isir Gżira Reġjun, b’din id-definizzjoni ssir parti mill-Kostituzzjoni ħalli dan l-istatus reġjonali tiegħu jiġi mħares u ma jkunx jista’ jintmess.

Din il-wegħda tinsab iswed fuq l-abjad fil-programmi elettorali tal-PN tal-aħħar snin, u saħanistra f’manifest elettorali speċifiku għal Għawdex li kien ħejja l-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2017, jintqal li “Għawdex għandu jkun definit bħala Gżira Reġjun fil-Kostituzzjoni, u biex jissaħħaħ dan l-istatus reġjonali ġdid, jitnieda l-proċess għat-twaqqif ta’ Kunsill Reġjonali għal Għawdex b’rappreżentanza wiesgħa tas-soċjetà Għawdxija u li jkun jirrappreżenta lil Għawdex fil-fora kollha, anke tal-UE, b’aċċess dirett għal finanzjament mill-Ewropa. Dan il-Kunsill ikun responsabbli mit-tfassil ta’ politika u viżjoni fit-tul għal Għawdex.”

Il-PN dejjem kien konsistenti dwar dan u anke qabel l-elezzjoni tal-2022 wiegħed li jagħti lil Għawdex Kunsill Reġjonali elett mill-Għawdxin, b’poteri eżekuttivi u bil-finanzi kollha neċessarji biex jattwa inizjattivi u proġetti.

U f’Settembru li għadda l-Kap tal-PN Bernard Grech tenna l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li d-deċiżjonijiet dwar Għawdex għandhom jittieħdu mill-Għawdxin, waqt li rrimarka li Għawdex għandu jkollu Kunsill Reġjonali, biex id-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Għawdxin stess għax huma jafu eżatt xi jridu.

Minflok ikomplu jxerrdu l-Fake News – li issa saru esperti tiegħu – tal-Labour aħjar jgħidulna jekk jaqblux li Għawdex isir Gżira Reġjun u li tkun emendata l-kostituzzjoni biex ikun imħares dan l-istatus li jissalvagwardja l-identità u r-regjonalità tiegħu bħala gżira.

Bħalma għamlu fl-aħħar elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda, l-Għawdxin se juru lil-Labour li ma jridux aktar min jgħaddihom biż-żmien, u minflok klikka fit-tmexxija li taħseb biss għal tal-qalba anke f’Għawdex – kif għandhom illum – l-Għawdxin se jivvutaw għal min verament lest iħares l-interessi tagħhom.