L-inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers għandha tiġi ppubblikata. Il-PN fil-gvern iġib lura dak kollu li nsteraq bil-korruzzjoni
L-aħbar li tlestiet l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija sigrieta 17 Black u l-Panama Papers u li diversi persuni fil-qalba tal-Gvern ta’ Robert Abela u Joseph Muscat se jitressqu l-Qorti hija konferma oħra li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa wieħed ta’ frodi biss, frodi spiss. Il-Partit Nazzjonalista ilu mill-bidu nett jisħaq li l-powerstation tal-Electrogas hija monument tal-korruzzjoni.
Ir-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-powerstation tal-Electrogas għandu jiġi ppubblikat mill-Avukat Ġenerali mingħajr aktar dewmien biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf min serqu l-miljuni.
Il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-proġett tal-powerstation tal-Electrogas inħoloq mill-Partit Laburista biex minnu ssir il-korruzzjoni bl-involviment tal-ogħla esponenti tal-Gvern Laburista, fosthom Konrad Mizzi u Keith Schembri li kif stqarru huma stess dejjem imxew skont l-istruzzjonijiet ta’ Joseph Muscat. Dawn il-politiċi korrotti ssieħbu ma’ persuni involuti fin-negozju u fil-qalba tal-Partit Laburista, fosthom Yorgen Fenech, Paul Apap Bologna u Mario Pullicino, biex jiffrodaw lill-poplu Malti u Għawdxi f’kuntratt li jiswa mal-€450 miljun.
Robert Abela għandu l-obbligu li b’mod immedjat jieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex dak li nsteraq mill-poplu Malti u Għawdxi permezz tal-monument tal-korruzzjoni jiġi rritornat lill-poplu Malti u Għawdxi llum qabel għada.
Jekk Robert Abela ma jiħux dawn il-passi, se jkun il-Partit Nazzjonalista li bil-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi jwettaq dan.
Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers inbdiet għadd ta’ snin ilu fuq inizjattiva tiegħu taħt it-tmexxija tal-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll fuq inizjattiva tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u tal-għaqda Repubblika bl-għajnuna ta’ Dr Jason Azzopardi. Dan seħħ wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvelat l-eżistenza tal-kumpanija 17 Black u r-rabta tagħha mal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff Keith Schembri.
//= $special ?>