Internazzjonali

L-2024 kienet sena qawwija għall-biljunarji tad-dinja minn lat ta’ introjtu

Il-qabża enormi fil-valur tal-investimenti fis-settur tat-teknoloġija għas-sena 2024 qed tfisser anki żieda fenomenali fil-valur tal-assi tal-akbar 500 sinjuruni fid-dinja – dejjem skont l-istatistika tal-Bloomberg Billionaires Index.

U l-karta politika li lagħab Elon Musk —  is-sid biljunarju tal-kumpanniji Telsa Inc., SpaceX u xAI – swietlu ta’ ġid kbir wara li ħareġ bħala l-akbar sostenitur ta’ Donald Trump, il-President-elett tal-Istati Uniti. Musk kien investa bil-qawwi fil-kampanja elettorali tal-kandidat Repubblikan għall-White House li se jieħu r-riedni tal-pajjiż fl-20 tax-xahar.

Għall-ewwel darba,  il-ġid totali tas-super-sinjurini tad-dinja  — għal żmien – kien ftit anqas mill-għaxar triljuni tal-ewro …Dan waqt li Elon Musk, Mark Zuckerberg, il-fundatur ta’ Facebook u Jensen Huang, is-sid tal-kumpannija Nvidia li tipproduċi s-software għall-fabbriki tal-Artificial Intelligence tal-futur, huma konfermati bħala l-aktar tlett biljunarji li għamlu qligħ matul l-2024 – bl-akbar gwadann ikun ta’ Elon Musk.

Iż-żieda fil-valur tal-kumpanniji ta’ Musk – f’dan il-każ  it-Tesla Inc, SpaceX u xAI – tfisser li l-biljunarju, li qed isir dejjem aktar influwenti fil-politika internazzjonali, issa għandu fortuna personali ta’ 426 biljun ewro….Żieda ta’ 213-il biljun ewro fuq il-fortuna li kellu f’Jannar tal-2024.

Fit-tieni post tal-lista ta’ Bloomberg hemm Zuckerberg bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Meta. U waqt li l-kumpannija tiegħu sofriet xi ftit disfatti matul l-aħħar xhur, hu xorta rnexxielu jiggwadanja mat-80 biljun ewro fl-aħħar tnax-il xahar peress li l-valur tal-ishma fl-investimenti tiegħu – inklużi dawk fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali — żdiedu bi kważi 70 fil-mija f’anqas minn sena.

Min-naħa tiegħu, Jensen Huang, bħala s-CEO ta’ Nvidia, żied mat-€73.4 biljuni mal-fortuna personali tiegħu grazzi għall-ispinta tal-interess fis-settur tal-AI. Dan waqt li l-valur tal-ishma investiti fil-kumpannija Nvidia żdiedu bi kważi tlett darbiet matul l-2024 u sal-punt fejn il-kumpannija, għal żmien, kellha l-akbar valur minn fost il-kumpanniji kollha tad-dinja.

Skont is-sorsi tal-Bloomberg – li qed jibbażaw fuq id-data provduta mill-Bank tad-Dinja – il-ġid ta’ dawn il-biljunarji lkoll flimkien hu simili għall-Prodott Gross Domestiku jew GDP  tal-Ġermanja, il-Ġappun u l-Awstralja, miġburin bħala total.