Lokali

“Luke Dalli ma setax kien qed jirreferi għalija” – Robert Aquilina

“Luke Dalli ma setax kien qed jirreferi għalija”.

Hekk stqarr in-nutar Robert Aquilina wara li lbieraħ Luke Dalli prova jimplika li kien qed jgħid għalih meta fuq is-Super One stqarr “issemmilix lil Robert għax nivvomta”.

Aquilina fisser kif bejnu u bejn Luke Dalli ma teżisti l-ebda forma ta’ familjarita’. “La teżisti ħbieberija u lanqas xi antagoniżmu partikolari. L-unika avukat ta’ Joseph Muscat li miegħu għandi relazzjoni ħazina ħafna hu Pawlu Lia. Mal-kumplament hemm xi forma jew oħra ta’ rispett baziku dovut għall-fatt li ngħarfu li għalkemm ninsabu fuq naħat opposti, huma qed jagħmlu xogħolhom ta’ avukati u jien qed naqdi d-dover tiegħi ta’ attivist.”

Huwa propju għalhekk, fisser Aquilina, illi Luke Dalli ma setax ikun qed jirreferi għalih fil-filmati li xxandru lbieraħ. “Bl-istess mod, kieku jien nirreferi għalih, ma niffeferix għalih ma’ terzi bħala “Luke”, iżda b’ismu u kunjomu”.

Fuq Facebook, Robert Aquilina kien ċar ħafna: “Jekk fhimt sew il-karattru u s-sitwazzjoni ta’ Luke Dalli, bħalissa jinsab kuntent li ħareġ dak il-filmat u li minkejja l-ispjega mqanżħa li ta lbieraħ, kulħadd fehem li hu jiddisprezza lil Robert Abela.”

Dan kollu juri li Robert Abela “qiegħed fuq żaqq il-maġġoranza tal-laburisti. Ma ndumux ma naraw il-konsegwenzi naturali ta’ din ir-realtà”.