“Ma sibniex l-appoġġ meħtieġ mill-awtoritajiet Maltin għal din l-idea…u għalhekk, dan il-proġett ser jiġi imniedi fil-Maċedonja ta’ Fuq.
Hekk stqarr Alexiei Dingli, Professur tal-Inteliġenza Artifiċjali fl-Univertistà ta’ Malta – rigward in-nuqqas ta’ interess u sapport li l-awtoritajiet Maltin urew fil-konfront ta’ proġett maġġuri li bl-użu tal-istess inteliġenza artifiċjali kapaċi jnaqqas il-problema it-traffiku f’pajjiżna.
Il-Professur Dingli qed jinsisti li l-intelliġenza artifiċjali se tkun kapaċi tikkontrolla il-konġestjoni fit-toroq bi pjanar aħjar tar-rotot hekk kif is-sistema tavża immedjatament lill-awtoritajiet dwar inċidenti u problemi oħra li jikkawżaw l-istess traffiku.
Min naħa tiegħu l-imprenditur Mark Bajada, li investa ‘l fuq minn miljun ewro f’dan il-proġett spjega kif minħabba n-nuqqas ta’ sapport mill-awtoritajiet Maltin, sabu ruħom “f’sitwazzjoni imbarazzanti” hekk kif dan il-proġett maġġuri ser jiġi mniedi l-ewwel fil-Maċedonja ta’ Fuq.
Min naħa tagħhom huma kienu wkoll f’kuntatt dirett ma’ Transport Malta flimkien ma’ awtoritajiet oħra lokali sabiex dan il-proġett jiġi imniedi f’pajjiżna – proġett li qed jiġi immexxi mill-Maltin – però minħabba n-nuqqas ta’ interess u appoġġ, huma kellhom iniedu din l-idea rivoluzjonarja f’pajjiż ieħor.
L-esperti spjegaw li għalkemm jinsabu entużjasti jkomplu għaddejjin bil-ħidma tagħhom fuq dan il-proġett anke fil-Maċedonja ta’ Fuq – fl-istess waqt però ddispjaċuti li proġett maħsub għal pajjiżna mhux ser jiġi attwat f’Malta u Għawdex minħabba n-nuqqas t’appoġġ mill-awtoritajiet rispettivi.