Lokali Qorti

Multa ta’ €6,000 għal ħames diretturi wara li ħaddiem weġġa’ f’impjant – ħaddiem immultat ukoll dwar l-istess każ

Ħames diretturi ta’ żewġ kumpaniji ġew immultati €6,000 kull wieħed mill-Maġistrat Simone Grech wara li nżammew responsabbli għal inċident li fih ħaddiem weġġa’ f’impjant f’Għawdex. L-inċident kien seħħ fit-2 ta’ Mejju 2017 fl-impjant Gatt Ready Mix f’Għajnsielem bil-ħaddiem sofra ġrieħi gravi u għamel żmien fil-periklu tal-mewt. Kien ukoll fil-periklu li jitlef riġlejh. Ħaddiem ukoll spiċċa mmultat għaliex instab ħati li kien responsabbli b’xi mod tal-inċident.

Dwar dan tressqu l-Qorti d-Diretturi Joseph Gatt ta’ 66 sena, Raymond Gatt ta’ 63 sena, William Gatt ta’ 58 sena, Mariano Gatt ta’ 65 sena u Ronnie Gatt ta’ 50 sena. Huma ġew akkużati li fil-kapaċità tagħhom ta’ diretturi ta’ Gatt Enterprises Limited, Gatt Tarmac Limited, Gatt Construction Limited u Gatt Ready Mix Limited naqsu li jħarsu s-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol li fih weġġa’ l-impjegat Emanuel Mercieca..

Wara li semgħet diversi xhieda, fosthom tobba u uffiċjali tas-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-Maġistrat Grech ikkonkludiet li l-ħames diretturi naqsu li jħarsu s-saħħa u s-sigurtà fl-impjant. Hija kkundannathom multa ta’ €6,000 kull wieħed waqt li ordnatilhom iħallsu wkoll bejniethom €1,743 għall-esperti li tqabbdu b’rabta ma’ dan il-każ.

Sadanittant l-istess Qorti mmultat lil Mark Tabone minn Ħ’Attard €2,500 wara li nstab ħati ta’ sewqan b’manjiera traskurata ta’ trakk u sabitu wkoll ħati li b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ ħila fl-arti jew professjoni tiegħu, jew b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti tat-traffiku, involontarjament ikkaguna ġrieħi ta’ natura gravi fuq il-persuna ta’ Emanuel Mercieca.

Huwa ġie lliberat inkwantu li saq il-vettura b’manjiera bla kont u perikoluża filwaqt li ssibu ħati ta’ sewqan b’manjiera traskurata. Il-Qorti ordnat li Tabone jkollu s-sospensjoni tal-liċenzja għal tmint ijiem u li l-istess ħati jħallas €871.98ċ rappreżentanti terz mill-spejjeż magħmula fl-inkjesta maġisterjali miżmuma in konnessjoni ma’ dan l-inċident.

Il-Qorti qalet li meta ġiet biex tevalwa kif seħħ dan l-inċident, innotat li ngħataw diversi verżjonijiet kunfliġġenti. Fattur ieħor li huwa inkwetanti għall-istess Qorti huwa l-fatt li sfortunatament irriżulta li t-trakk involut fl-inċident, tneħħa minn fuq il-post tal-inċident u ġie misjuq minn Joseph Gatt.

Dwar fejn eżattament seħħ dan l-incident, minn eżami proċesswali rriżulta li ttrakk misjuq mill-imputat Mark Tabone laqat lill-vittma Emanuel Mercieca, ftit metri ’l bogħod mill-garage, waqt illi Emanuel Mercieca kien miexi biex imur għat-trakk tiegħu li kien ipparkjat fil-yard, u waqt li Mark Tabone kien qed
joħroġ it-trakk mill-garaxx.

Infatti, fix-xhieda tiegħu Mark Tabone stqarr bil-ġurament li “niftakar li wiċċu kien qed iħares il-fuq waqt li dahru kien mal-art fejn kien qed iħares lejn il-gandott li hemm barra l-entratura”. L-istess Emanuel Mercieca xehed li “Ħriġt il-barra minn ġol garaxx” u “nispjega li Mark mar lejl il-gabina u jiena mort ‘il barra. Jiena mxejt ‘il barra u xħin ġejt 14-il metru ‘l barra ntlaqatt. Laqatni jiena u ndur fuq il-lemin. Laqatni waqt li kien wiċċu ‘l barra fuq in-naħa tax-xellug.”

Fil-fehma tal-Qorti, mill-provi rriżulta illi Emanuel Mercieca u Mark Tabone ħarġu mill-garaxx jekk mhux ma’ xulxin, kważi fl-istess ħin, b’ dana illi Mark Tabone kien qed isuq it-trakk biex joħorġu mill-garaxx u jmur ibattal l-ilma mill-bajla, u Emanuel Mercieca kien ħiereg bil-mixi biex imur għat-trakk li kien
uża matul il-ġurnata biex idaħħlu fil-garaxx biex jinħasel.

Stante illi l-inċident seħħ ftit metri ’l bogħod mill-entratura tal-garaxx, u peress illi Emanuel Mercieca
kien miexi waqt illi l-imputat kien qiegħed isuq it-trakk tiegħu, huwa iktar kredibbli li l-vittma kien laħaq ħareġ mill-garaxx qabel mal-imputat beda jsuq ittrakk.

Mill-fatti minn imkien ma rriżulta li l-inċident seħħ fejn Mercieca kien għaddej maġenb trakk li kien fil-garaxx u dan għaffġu mal-ġenb tal-bieb talgaraxx. Mid-dinamika tal-akkadut, jirriżulta li meta l-imputat beda jsuq it-trakk, il-vittma kien żgur aktar ’il quddiem mit-trakk, u ġewwa l-yard.

Dwar il-kwistjoni mqajma mid-difiża, illi l-vittma kien negliġenti meta għażel li joħroġ mill-garaxx u jimxi fil-yard biex jilħaq it-trakk tiegħu, l-Qorti hija persważa illi Emanuel Mercieca ma setax ħa triq oħra aktar sigura biex mill-garaxx jasal għat-trakk tiegħu. Jirriżulta illi hu ħareġ mill-garaxx min-naħa tal-passiġġier, u beda miexi mal-ġenb tal-yard fuq in-naħa tax-xellug.

Illi l-punt indikat mill-uffiċjal tal-OHSA fejn seħħ l-inċident jindika illi Emanuel Mercieca kien miexi mal-ġenb tal-yard, u mhux f’nofs il-yard. Jirriżulta illi l-yard hija wiesa’ biżżejjed, u l-imputat ma kellux għalfejn isuq daqshekk lejn il-ġenb tax-xellug tal-yard.

Il-Qorti qalet li tqis li tul kemm Mark Tabone ilu jaħdem isuq it-trakkijiet, ċertament jaf jew messu kien jaf illi l-perkors bil-mixi ta’ prattikament il-ħaddiema kollha li jaħdmu miegħu, mill-garaxx għat-trakkijiet li jkun hemm ipparkjati fil-yard, kien proprju dak illi minnu kien għaddej Emanuel Mercieca.

U appuntu għax kien qiegħed isuq trakk kbir u mhux xi vettura żgħira, kien messu ma ġennibx it-trakk
tiegħu lejn tarf il-yard, fejn kien hemm il-possibilità li jkun hemm sħabu ħaddiema oħra għaddejin bil-mixi minn hemmhekk.

Mark Tabone ġaladarba kien qed isuq it-trakk, kellu d-dmir li jżomm ‘a proper look out’ u jieħu dawk ilprekawżjonijiet fis-sewqan tiegħu, inkluż li jżomm aktar lejn in-nofs, biex jevita li jolqot lil xi ħadd li seta’ kien għaddej bil-mixi minn hemmhekk.

Dan qed jingħad iktar u iktar meta l-istess Mark Tabone kien konsapevoli li t-trakk għandu “blind spots”, li jrid iżommhom inkonsiderazzjoni meta jkun qiegħed isuq it-trakk biex jevita illi jtajjar lil xi ħadd u/jew jikkaġuna danni. In-negliġenza tiegħu, kienet proprju — għaliex minkejja li jaf b’dawn ir-riskji u limitazzjonijiet, xorta saq bil-mod li saq b’konsegwenza li laqat lil sieħbu li kien miexi fil-ġenb tal-yard.

Il-fatt illi l-viżwali setgħet kienet ostakolata tpoġġi responsabilità akbar fuq lispalla tas-sewwieq li joqgħod ferm aktar attent fis-sewqan tiegħu. Kif intqal diversi drabi mill-Qrati nostrana, sewwieq huwa mistenni li jsuq b’mod kawt u attent u aktar ma jkun hemm diffikultajiet fis-sewqan kaġun taċ-ċirkostanzi ambjentali fil-mument tal-inċident, akbar għandha tkun l-attenzjoni tiegħu fis-sewqan.

Dwar jekk kienx hemm negliġenza kontributorja, jew jekk il-vittma kienx unikament responsabbli bħala pedestrian għall-akkadut, il-Qorti ma tqisx li tressqu provi suffiċjenti li jikkonvinċuha li Emanuel Mercieca kien b’xi mod negliġenti. Id-difiża targumenta illi Mercieca messu ħareġ mill-garaxx min-naħa tas-sewwieq tat-trakk.

Il-Qorti ma taqbilx ma’ dan. Li kieku għamel hekk, Emanuel Mercieca kien isib ruħu ħiereġ jippassiġġa f’nofs il-yard. Li kieku ħareġ min-naħa tas-sewwieq, Merieca kien ikun poġġa lilu nnifsu u lis-sewwieq tattrakk f’periklu ċar. Mill-fatti kif ġew esposti, din il-Qorti hija konvinta li Emanuel Mercieca għadda mill-post l-aktar sigur fil-yard, li sfortunatament għalih ma kien sigur xejn.

Dan mhux tort ta’ negliġenza tiegħu, iżda nuqqas serju da parti ta’ min iħaddem stante li l-ħaddiema f’dan l-impjant ma ġewx provduti b’passaġġ sigur għal min ikun għaddej bil-mixi u għal min ikun għaddej bit-trakkijiet.

Irriżulta mill-aktar mod ċar li fil-post fejn seħħ dan l-inċident ma kienx hemm bankini jew barriers biex jiddistingwu il-passaġġ għal pedestrians u l-passaġġ minn fejn jgħaddu l-vetturi u trakkijiet tal-kumpannija/i. Tant hu hekk, li effettivament, irriżulta illi wara li seħħ l-inċident, inħoloq passaġġ aktar sigur
minn fejn jgħaddu l-ħaddiema bil-mixi.

Tenut kont ta’ dan kollu, l-Qorti evalwat jekk saritx il-prova lil hinn minn kull dubbju raġjonevoli dwar l-entità tal-ġrieħi sofferti minn Emanuel Mercieca. Dwar il-konsegwenzi serji li sofra Emanuel Mercieca
kaġun tal-inċident, jirriżulta illi malli l-istess Mercieca ddaħħal l-isptar, il-kondizzjoni medika tiegħu ġiet evalwata bħala gravi hafna, u kien addirittura fil-periklu tal-mewt.

Tressqu diversi xhieda oħra mill-kamp mediku li kkonferma s-severità tal-grieħi sofferti minn Mercieca
fosthom Mr Frank Portelli u Mr Ray Aquilina. Fil-mori ġie ppreżentat ukoll il-file mediku tal-vittma li minnu jirriżulta li l-istess qatta’ ammont konsiderevoli ta’ żmien l-ITU f’Għawdex kif ukoll ġie rikoverat fl-Isptar Mater Dei u l-Isptar Karen Grech.

Irriżulta wkoll li kien biss per konsegwenza tal-kura intensiva illi ngħata li ġiet evitata l-amputazzjoni tar-riġel illi ġie milqut mit-trakk misjuq mill-imputat. Per konsegwenza din il-Qorti tqis li din l-ewwel imputazzjoni, dik li b’nuqqas ta’ ħsieb, bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ ħila fl-arti jew professjoni tiegħu, jew b’nuqqas ta’ tħaris ta’ regolamenti tat-traffiku, involontarjament ikkaguna ġrieħi ta’ natura gravi fuq il-persuna ta’ Emanuel Mercieca, ġiet ampjament ippruvata.

Fid-dawl tal-gurisprudenza u mir-rizultanzi processwali, b’ mod partikolari mill-atti tal-inkjesta magisterjali u r-ritratti hemm ezebiti, kif ukoll mix-xhieda migbura quddiem il-perit legali, l-Qorti tqies li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tressaq provi lil hinn minn kull dubbju ragjonevoli dwar sewqan bi traskuraġni kbira jew b’mod perikoluż.

Madanakollu, mix-xhieda prodotta, din il-Qorti tinsab sodisfatta li l-imputat kien qed isuq b’ mod negligenti u naqas li jzomm ‘a proper look out; kif ukoll il-prekawzjonijiet necessarji biex jevita li jsehh
incident bhal dan. Il-manuvra li ghamel l-imputat kienet maghmula b’ tali mod u manjiera li s-sewqan kien jiddipartixxi mill-livell ta’ sewqan mistenni minn sewwieq ragonevoli, prudenti, kompetenti u ta’ esperjenza.

U mix-xhieda ġiet ukoll ippruvatat l-akkuża li fl-istess data, ħin, lok, u ċirkostanzi, bħala ħaddiem naqas milli jissalvagwardja s-saħħa u s-sigurta’ tiegħu innifsu kif ukoll dik ta’ persuni oħra li jistgħu jiġu effetwati bix-xogħol li jkun qiegħed isir.

Barra minn dan, jirriżulta wkoll mill-inkjesta, u anke mix-xhieda mogħtija mir-rappreżentant ta’ Transport Malta quddiem il-perit legali, illi t-trakk tal-għamla Leyland DAF huwa reġistrat fuq il-kumpanija Gatt Development Limited.

Fl-isfond ta’ dan kollu, din il-Qorti tqis li ġie ippruvat li għalkemm l-imputat u lvittma ma kinux impjegati mal-istess kumpanija, it-tnejn li huma kienu jaħdmu fl-istess impriża tal-familja Gatt. Ġie ppruvat ukoll li dan l-inċident seħħ waqt il-ħin tax-xogħol.