Libjan ta’ 39 sena ġie kkundannat sitt snin ħabs wara li nstab ħati li neħħa l-ħwejjeġ minn fuq tifla ta’ 10 snin u kixef il-parti privata tiegħu quddiemha f’Marsalforn, Għawdex. Ir-raġel nstab ħati mill-Maġistrat Simone Grech li kkorrompa persuna taħt it-12-il sena. Huwa ma nstabx ħati iżda li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tagħha, u lanqas ma nstab ħati li sar riċediv.
Il-każ imur lura għat-28 ta’ Ottubru 2019 meta t-tifla kienet miexja fi Triq il-Qbajjar filgħaxija u daħal warajha l-Libjan f’komun tal-appartamenti fejn niżlilha l-qalziet u l-qalziet ta’ taħt filwaqt li hu niżżel iż-żipp tal-qalziet tiegħu u taha €30.
Meta għamel dan l-att ta’ pedofelija, t-tifla staqsietu x’kien qed jagħmel u qaltlu li hi għad għandha biss 10 snin. Ir-raġel qalilha li kien ħaseb li kellha aktar minn hekk u t-tifla reġgħet libset u ħarġet tiġri mill-komun. Dan kollu seħħ bejn il-ħinijiet tat-8pm. u d-9pm.
It-tifla marret tgħid b’kollox lil missierha x’kien seħħ u dan beda jissuspetta f’persuni oħra sakemm il-Libjan inkwistjoni ċempillu u offrielu xogħol b’salarju tajjeb. Kien f’dan il-ħin li missier it-tifla beda jissuspetta fih u mar jagħmel rapport mal-Pulizija.
Huwa eventwalment ġie arrestat u ċaħad li qatt għamel dan kollu. Hu sostna li kellu argument fuq xi flus mal-ġenituri tat-tifla u minħabba f’hekk, ivvintaw din l-istorja sabiex ipattuhielu. Qal ukoll li ma kinitx l-ewwel darba li għamlu t-tali akkużi fuq persuni oħra.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ta’ Għawdex irrimarkat li kull persuna involuta fil-każ kellha bosta inkonsistenzi fix-xhieda tagħha iżda li fl-aħħar mill-aħħar, ix-xhieda tat-tifla kienet l-aktar waħda konsistenti.
Hi ilmentat ukoll li l-Prosekuzzjoni ma elevatx il-marki tas-swaba’ mill-komun fejn seħħ ir-reat u minflok straħet fuq il-filmati tal-cameras tas-sigurtà li ma jurux lill-akkużat jidħol fil-komun. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti qalet li x-xhieda tat-tifla kienet l-aktar veritiera għaliex irrappurtat l-fatti kollha tal-każ bi ftit diskrepanzi u b’hekk tista’ tistrieħ fuqha.
Madankollu l-Qorti qalet li ma tistax issib lill-akkużat ħati li wettaq att ta’ natura sesswali fuq it-tifla. Dan apparti li ma nstabx ħati wkoll li huwa riċediv peress li ma tressqitx prova tas-sentenza tal-Qorti li nqatgħet kontrih. L-akkużat instab ħati li kkorrompa lit-tifla u ġie kkundannat sitt snin ħabs. Hu ġie ordnat iħallas ukoll €656 fi spejjeż tal-Qorti.
//= $special ?>