Lokali

Tasal fi tmiemha l-inkjesta dwar 17 Black – Konrad Mizzi u Keith Schembri mistennija jħabbtu wiċċhom ma’ aktar akkużi kriminali

Waslet fi tmiemha l-Inkjesta Maġisterjali b’rabta mal-kumpanija 17 Black hekk kif ġiet ippreżentata lill-Avukat Ġenerali mill-Maġistrat Charmaine Galea matul il-ġimgħa li għaddiet.

Dan ifisser li sorsi ta’ min jorbot fuqhom spjegaw ma’ Net News li Keith Schembri u Konrad Mizzi flimkien ma’ Yorgen Fenech, Mario Pullicino  u Paul Apap Bologna se jkunu qed jitressqu l-Qorti iħabbtu wiċċhom ma’ reati kriminali.

Filwaqt li l-akkużi preċiżi għadhom mhux magħrufa, huma mistennija jħabbtu wiċċhom ma’ akkużi relatati ma’ pjanijiet biex jirċievu pagamenti u kickbacks mill-kumpanija 17 Black, il-kumpanija sigrieta li sidha kien Yorgen Fenech.

Il-kumpanija kienet żvelata mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet lura fl-2017 u li għal dan l-assassinju l-istess Fenech jinsab akkużat li bħala l-allegat moħħ warajh.

Lura meta ġew mħejjija l-pjani biex jgħaddu l-ħlasijiet, Yorgen Fenech kien qed imexxi l-Electrogas li kienet ingħatat ir-riedni tal-power station il-ġdida mill-Gvern tal-Labour f’Delimara.

Intant, Paul Apap Bologna kien iservi bħala direttur fil-konsorzju Electrogas u instab li kellu wkoll kumpanija sigrieta barra mill-pajjiż.

Din l-inkjesta kienet ġiet mitluba biex tinfetah lura fl-2018 minn Simon Busuttil u David Casa rappreżentati mill-Avukat Jason Azzopardi.