Ir-rispons tal-Gvern għas-sejba riċenti ta’ erba’ ljuni u leopard miżmumin illegalment f’razzett fil-limiti tan-Naxxar jerġa’ juri biċ-ċar in-nuqqas ta’ ppjanar u ta’ viżjoni tal-Gvern Laburista.
Dan għaliex minkejja li l-liġijiet eżistenti jitkellmu b’mod ċar li annimali bħal dawn għandhom jiġu kkonfiskati mill-ewwel u tinstabilhom akkomodazzjoni temporanja sakemm finalment jinstab post li jipprovdi l-ħabitat adattat fejn ikunu jistgħu jkomplu jgħixu fl-ambjent li jixirqilhom, il-Gvern ma ħasibx għal dan, bil-konsegwenza li f’dan il-każ s’issa għadu mhux magħruf x’se jkun id-destin aħħari ta’ dawn l-annimali eżotiċi li nstabu abbandunati.
Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Ħarsien tal-Annimali Janice Chetcuti.
Anke dan il-każ wera kif il-Gvern ma għandu l-ebda viżjoni fit-tul fejn għandu x’jaqsam mal-annimali u l-ħarsien tagħhom f’pajjiżna.
Il-liġijiet f’każi bħal dawn huma ċari, u jistipulaw li kull annimal ta’ dawn l-ispeċi f’pajjiżna għandu jkun liċenzjat, u jekk dan ma jkunx il-każ, allura d-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji għandu l-fakultà li l-annimal jiġi kkonfiskat minn fuq il-post fejn jinstab, jittieħed mingħand is-sid, u jinstablu post diċenti b’mod temporanju sakemm ikun deċiż fejn jista’ jittieħed biex ikompli jgħix ħajtu f’ambjent adegwat.
Madanakollu, f’Malta l-Gvern ma ħoloq l-ebda post li jista’ jipprovdi l-kenn lil dawn it-tip ta’ annimali li ħafna drabi jiġu misjuba f’kundizzjonijiet mhux xierqa, kif ġara f’dan il-każ.
Permezz ta’ diversi kuntatti li saru, fl-aħħar sigħat l-Oppożizzjoni ppruvat tifhem x’inhu l-pjan kemm fl-immedjat imma anke fit-tul għal dawn il-povri annimali, imma sa issa l-Partit Nazzjonalista għadu ma ngħata l-ebda garanzija u lanqas id-dritt li jkun jaf x’qed jiġi ppjanat għal dawn l-annimali. Ma ngħatajniex lanqas l-informazzjoni bażika dwar l-annimali misjuba u l-qagħda ta’ saħħa li jinsabu fiha.
Filwaqt li f’każi simili trid tkun garantita l-ewwel u qabel kollox is-sigurtà tan-nies li qed jieħdu ħsieb dawn l-annimali, huwa importanti wkoll li l-annimali nfushom jingħatalhom dak kollu li jista’ jiggarantilhom sitwazzjoni ta’ ħajja aħjar kemm fiżika kif ukoll mill-aspett psikoloġiku.
Il-Partit Nazzjonalista jrid jaċċerta ruħu wkoll li se jittieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex kwalunkwe liġi li ġiet miksura f’dan il-każ tiġi mħarsa u li malli dawn l-annimali jiksbu saħħithom lura jintbagħtu f’santwarji apposta li jkunu kapaċi jilqgħuhom u mhux f’xi post jew akkomodazzjoni li tisfruttahom u tagħmel il-flus minnhom.
Nifhmu li dan jista’ ma jkunx każ iżolat, u x’aktarx li jeżistu sitwazzjonijiet simili f’pajjiżna. Għaldaqstant inħeġġu lill-Gvern u l-awtoritajiet kompetenti biex jaraw li tittieħed azzjoni legali xierqa u jippreparaw ruħhom biex pajjiżna jkollu fejn jilqa’ annimali li jispiċċaw vittmi ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn.
Finalment, l-Oppożizzjoni tiddikjara l-qbil tagħha mal-proposti li ressqu l-NGOs tal-annimali fl-aħħar sigħat f’ittra miftuħa li bagħtu lill-Gvern, u nħeġġu lill-Ministru konċernat biex jagħti widen għat-talbiet li qed isirulu minn dawn l-għaqdiet u individwi.
//= $special ?>