Il-Pulizija arrestat mara ta’ 36 sena dwar allegat serqa li seħħet is-Sibt minn residenza fil-Gżira fejn ġie rrapurtat li raġel ġie maqful barra fil-gallarija sakemm insterqu għadd ta’ oġġetti.
Is-serqa seħħet għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li l-allegat ħalliela ħabbtet fuq bieb ta’ appartament fi Triq Giacint Tua.
Din il-mara marret fil-post armata b’sikkina f’idejha li mal-mument li nfetaħ il-bieb sar theddid sabiex jiġu obduti l-ordinijiet tagħha.
Il-persuna li kienet fir-residenza, Nepal ta’ 28 sena kien għadu rieqed mal-mument li sema’ lil xi ħadd iħabbat fuq il-bieb ta’ daru. Kien hawnhekk fejn hu mar jiftaħ biex jara min hemm u sab sikkina ppuntata lejh.
Jirriżulta li din il-mara li kienet armata sakkret lir-raġel fil-gallarija u wara li nsterqu diversi oġġetti, il-ħalliela ħarbet mill-post.
Fortunatament ħadd ma weġġa’, bil-vittma jgħajjat għall-għajnuna. Jidher li kienet persuna fil-post li sejħet għall-għajnuna tal-Pulizija wara li rat lill-ħalliela bis-sikkina f’idejha fl-istess triq li tinsab din ir-residenza.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>