It-tliet Slaten Maġi li jinsabu fi triqithom lejn Betleħem f’Għajnsielem żaru l-Palazz ta’ Sant’Anton fejn ippreżentaw ir-rigali quddiem il-maxtura tal-Bambin Ġesù, fil-presepju armat fil-bitħa tal-palazz.
Din iż-żjara kienet opportunità unika għat-tfal taċ-Ċentru tar-Riżorsi tal-Wardija u l-ġenituri tagħhom, li kienu mistiedna mill-President Myriam Spiteri Debono biex jassistu għall-wasla tal-Maġi.
Iż-żjara tas-Slaten Maġi fil-Palazz ta’ Sant’Anton kienet l-ewwel waħda fi vjaġġ ta’ jumejn, li matul is-Sibt wassalhom ukoll fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u d-Dar tal-Providenza, kif ukoll il-knejjes ta’ Ħal Qormi.
Il-Ħadd, iż-żjara tal-Maġi tkompli mar-residenti fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa, qabel issir il-laqgħa bejn is-Slaten Maġi u r-Re Herod fil-pjazza tal-istess lokalità.
Mal-wasla f’Għawdex, is-Slaten Maġi jżuru wkoll id-Dar tal-Anzjani ta’ San Ġużepp u Dar Arka, kif ukoll il-Knisja Parrokkjali ta’ Għajnsielem, qabel id-daħla trijonfali f’Betleħem f’Għajnsielem.
Dan jwassal għal għeluq tal-ħmistax-il edizzjoni ta’ din l-attivita li għal darb’oħra attirat eluf ta’ viżitaturi.
//= $special ?>