Iż-żewġ Marokkini, Fouad el Sellah ta’ 26 sena u Mohamed Lazaar ta’ 43 sena għadhom imfittxija mill-Pulizija wara li dawn, flimkien ma żewġ Marokkini oħra, ħarbu mill-mitjar Malti wara li qabżu minn ajruplan.
Każ li seħħ propju fl-Ewwel Jum tas-sena 2025 u li ħalla lil bosta Maltin u Għawdxin ixxukkjati.
Kollox beda wara nżul ta’ emerġenza li kellu jagħmel ajruplan tat-Turkish Airlines minħabba li passiġġier qal lill-membri tal-ekwipaġġ li kien qed iħoss xi uġigħ.
Meta kien qed jitniżżel dan il-passiġġier minn fuq l-ajruplan mill-bieb ta’ quddiem biex jiddaħħal f’ambulanza u jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei, erba’ Marokkini fetħu l-bieb ta’ wara tal-ajruplan, qabżu għal fuq il-mitjar u ħarbu għat-triq mad-dawra tal-Ajruport.
Tnejn minnhom ġew arrestati ftit tal-ħin wara u ġew estraditi lura lejn pajjiżhom, biż-żewġ Marokkini l-oħra għadhom qed jiġu mfittxija mill-Pulizija.
Il-Ħamis li għadda, Net News kien żvela filmat li juri l-mument li fih il-passiġieri ħarbu minn fuq l-ajruplan li kien wieqaf f’Apron 8. B’sorsi jindikaw illi kien pilota standby fuq Runway 13 f’ajruplan tal-EasyJet li nforma lit-torri tal-kontroll li kienu ħarbu xi persuni minn fuq ajruplan tat-Turkish Airlines.
Dan minkejja li madwar l-ajruplan kien hemm membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu qed jassistu lill-membri tal-ekwipaġġ u ħaddiema tal-ajruport fil-mument li ħarbulhom erba’ passiġġieri mill-ajruplan. Iżda, minkejja dan, ħadd ma nduna b’dawn il-passiġġieri jiġru fil-mitjar. U kellu jkun pilota ieħor f’ajruplan differenti biex jinnota dak li kien qed jiġri.
Bin-nuqqas ta’ azzjoni b’waqta wasslet biex l-erba’ Marokkini jiżgiċċaw lil kulħadd, waslu sal-perimetru tal-ajruport u jaqbżu l-ilqugħ tal-ħadid sakemm waslu fit-triq.
Ma’ Net News, il-Brigadier Clinton O’Neil irrfjuta li jagħti l-kummenti tiegħu dwar dan il-każ.
S’issa għad m’għandna l-ebda informazzjoni għaliex Fouad el Sallah u Mohamed Lazaar kienu qed jivjaġġaw lejn il-Marokk u għalfejn dawn ħarbu mill-ajruplan.
Interessanti l-fatt li s’issa għadha ma ħarġet l-ebda stqarrija mill-Ministeru tal-Interni – li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Byron Camilleri.
//= $special ?>