Lokali

“L-Inkjesta dwar 17 Black u l-Panama Papers għandha tiġi ppubblikata minnufih” – PN

Ir-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers għandu jiġi ppubblikat mill-Avukat Ġenerali mingħajr aktar dewmien biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf kemm insteraq bil-korruzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Inkjesta Maġisterjali ma tispiċċax f’idejn Robert Abela biex biha jagħmel manuvri politiċi għall-interessi personali tiegħu kif għamel b’mod abbużiv u illegali bir-rapport tal-Inkjesta dwar Vitals u Steward. Jekk dan iseħħ, il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jiġġieled dan l-abbuż sfaċċat permezz ta’ azzjonijiet u proċeduri fil-Qrati u fit-toroq ta’ pajjiżna.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed għalhekk iżomm lill-Avukat Ġenerali minn issa responsabbli għan-nuqqas tagħha li tippubblika r-rapport tal-Inkjesta u għal kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni fir-rigward tal-persuni li l-Inkjesta kkonkludiet li għandhom jiġu akkużati quddiem il-Qrati ta’ pajiżna.

Il-Partit Nazzjonalista jistenna wkoll li minkejja x-xkiel u l-inkompetenza tal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jwettaq id-doveri tiegħu bl-iktar mod organizzat, professjonali u serju biex jiġi żgurat li ħadd minn dawk responsabbli għall-koruzzjoni li twettqet ma jeħlisha mill-ħaqq u l-ġustizzja. Għalhekk nistennew li jiġu ddedikati r-riżorsi umani u finanzjarji kollha meħtieġa biex fl-iqsar żmien possibbli l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jaġixxi skont il-konklużjonijiet tal-Inkjesta u jressaq quddiem il-Qorti lil dawk il-persuni kollha, huma min huma, li hemm wara l-kumpanija 17 Black u dak li ġie żvelat mill-Panama Papers.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-kumpanija 17 Black u l-Panama Papers inbdiet għadd ta’ snin ilu fuq inizjattiva tiegħu taħt it-tmexxija tal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil kif ukoll fuq inizjattiva tal-Membru Parlamentari Ewropew David Casa u tal-għaqda Repubblika bl-għajnuna ta’ Dr Jason Azzopardi.

Dan seħħ wara li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia żvelat l-eżistenza tal-kumpanija 17 Black u r-rabta tagħha mal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff Keith Schembri.