Internazzjonali

Mike Johnson elett mil-ġdid bħala Speaker tal-Kamra

Ir-rappreżentant Repubblikan, Mike Johnson, li fl-aħħar leġiżlatura serva bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentati tal-Istat Uniti, reġa’ ġie elett mill-ġdid f’din il-kariga – fejn huwa mistenni li jkompli jservi bħala l-Ispeaker ta’ din il-Kamra, meta l-President-elett Donald Trump jieħu l-ġurament ta’ President.

Mike Johnson ġie elett għall-ewwel darba f’Ottubru tal-2023, meta l-predeċessur tiegħu, Kevin McCarthy tneħħa minn din il-kariga permezz ta’ vot ta’ sfiduċja mill-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Matul il-jum tal-Ġimgħa, il-membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istat Uniti ħadu sehem f’proċess ta’ votazzjoni biex jeleġġu mill-ġdid lil Mike Johnson bħala Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Johnson kellu bżonn jikseb mill-inqas 218-il vot fl-ewwel għadd ta’ votazzjoni, però dan oriġinarjament falla milli jikseb in-numru ta’ voti meħtieġa. Fl-ewwel għadd ta’ voti, żewġ rappreżentati mill-istess Partit Repubblikan ivvutaw kontra n-nomina ta’ Mike Johnson bħala Speaker tal-Kamra, li fissret li Johnson falla milli jerġa’ jiġi elett mill-ġdid f’dan ir-rawnd ta’ voti.

Madankollu, bl-appoġġ ta’ Donald Trump, iż-żewġ rappreżentanti biddlu fehmthom u għalhekk ivvutaw favur n-nomina ta’ Mike Johnson.

Għaldaqstant, Mike Johnson se jkun qed imexxi din il-Kamra ta’ Rappreżentanti sas-sena 2026.