Lokali Qorti

Palestinjan ta’ 60 sena jinżamm arrestat fuq akkużi ta’ fastidju

Palestinjan ta’ 60 sena, Raeid Mohammed Aboulgasim, li jgħix tal-Pietà tressaq il-Qorti fuq akkużi ta’ fastidju lill-eks sieħba tiegħu u li kkaġunalha biża’.

L-akkużat u l-eks sieħba għandhom erbat itfal flimkien.

    Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest u argumetat li l-akkużat għandu passaport Malti u indirizz fiss, madanakollu l-prosekuzzjoni argumentat li hemm biża’ li jaħrab mill-pajjiż. Dan filwaqt li żiedet tgħid li għadhom iridu jixhdu xhieda oħra.

    Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace semgħet ukoll kif il-vittma kienet tibża’ ħafna minnu u għalhekk kemm-il darba għamlet rapport lill-Pulizija.

    Kien hawn fejn il-Prosekuzzjoni rrimarkat kif il-Palestinjan ilu mill-2023 ma jaħdem jew jirreġistra li jaħdem Malta, u fil-fatt lanqas kien qed jagħti manteniment għat-tfal.

    Il-Qorti ordnat biex ir-raġel jibqa’ arrestat u ħarġet ordni favur il-vittma u l-minuri.